Internazzjonali

Is-Sirja: Assedju bla waqfien fuq il-Lvant ta’ Ghouta

Il-qawwiet tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, komplew bl-attakki bla heda fuq l-inħawi ta’ Ghouta tal-Lvant, fis-Sirja; bil-gruppi tas-salvataġġ jaqblu li l-bumbardamenti mill-ajru tant kienu kontinwi li huma ‘bil-kemm kellhom iċ-ċans li jgħoddu l-katavri’.

L-attakki kienu parti mill-agħar assalt mill-ajru tul il-gwerra ċivili tas-Sirja li ilha għal seba’ snin, bl-ajruplani tal-Gvern Sirjan jinsistu bil-bumbardenti tagħhom.

Ir-residenti li qed ifittxu l-kenn fil-kantini tal-bini u li qegħdin jirrikorru għand l-entitajiet mediċi kkundannaw l-aħħar attakki li dehru immirati għal talanqas għaxar sptarijiet. Dan meta n-Nazzjonijiet Uniti qed titlob għal waqfien mill-ġlied f’Ghouta, li hi l-unika fortizza ewlenija tar-ribelli qrib il-kapitali, Damasku.

Intant, il-Gvern ta’ Assad u r-Russja, l-alleat kbir tal-President Sirjan, qalu li huma qegħdin jimmiraw biss ‘għal militanti’ u li l-qawwiet tagħhom għaddejjin bl-azzjoni militari biex ma jħallux lir-ribelli jibbumbardjaw lil Damasku.

L-osservaturi qalu li l-burraxka kontinwa ta’ rokits u attakki mill-ajru fuq Ghouta tal-Lvant issa għalqet ġimgħa u fiha nqatlu madwar 500 persuna, fosthom xi 120 tifel u tifla. Intant, ir-rejds tallum swew il-ħajja ta’ mill-anqas 30 vittma, meta l-bombi niżlu fuq l-inħawi ta’ Douma, Hammouriyeh u bliet oħra.

Fl-aħħar sigħat, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kien qed jissielet biex jaqbel dwar riżoluzzjoni li tfittex waqfien mill-ġlied fis-Sirja, u wara li l-vot kien spiċċa pospost għal diversi drabi min-nhar il-Ħamis.