Mewġa ta’ attakki li seħħew madwar l-Afganistan ħallew ‘il fuq minn 25 mejtin, fil-parti kbira tagħhom suldati.
L-agħar inċident seħħ fil-provinċja ta’ Farah, lejn il-Punent tal-pajjiż, fejn militanti tat-Taliban assedjaw bażi tal-Armata, bir-riżultat li nqatlu 22 truppi. Aktar tard ingħad li l-militanti wkoll ‘tilfu ħafna ġellieda’ waqt il-kumbattimenti.
Fl-istess ħin, attakk suwiċida fil-kapitali, Kabul, irriżulta fil-mewt ta’ mill-anqas tliet uffiċjali tas-sigurtà. L-attakk tmexxa minn aggressur suwiċida li tajjar l-isplussivi li kellu fl-inħawi tal-bini diplomatiċi. ‘Il quddiem, il-grupp ISIS assuma responsabbiltà għal din l-isplużjoni.
Saru wkoll attakki suwiċida oħra, din id-darba fil-provinċja ta’ Helmand, fejn inqatlu żewġ militar, b’numru ta’ nisa u tfal jisfaw midruba.
L-Afganistan, illum, għaddej minn żieda fl-attakki mill-gruppi ta’ militanti, u fejn l-Armata ta’ spiss qed tisfa mira tal-aggressjoni. Xi analisti jemmnu li l-attakki huma ‘tweġiba’ għall-istrateġija aktar aggressiva mill-Istati Uniti, bil-militar Amerikan qed ikun impenjat għal konflitt totali, bil-għan li ‘jinqatlu t-terroristi fl-artijiet Afgani’.
Filwaqt li t-Taliban qed jikkontrolla bnadi sħaħ tal-Afganistan, it-terroristi tal-ISIS ħadu f’idejhom numru ferm iżgħar ta’ distretti — biż-żewġ gruppi qegħdin juru l-kapaċitajiet tagħhom biex jolqtu l-miri rispettivi madwar il-pajjiż.
//= $special ?>


