BELARUS………8
MALTA………….7
(0-2), (4-2), (2-1), (2-2)
It-tim nazzjonali Malti tilef l-ewwel leg 8-7 kontra l-Belarus, f’logħba valida mill-ewwel leg tal-play-offs għall-Kampjonat Ewropew. Minkejja t-telfa, dan ir-riżultat ipoġġi lit-tim Malti f’pożizzjoni tajba li jista’ jdawwar ir-riżultat is-Sibt li ġej f’pajjiżna.
Bidu tajjeb mit-tim Malti li rebaħ l-ewwel sessjoni 2-0. Il-plejers Maltin fetħu l-iskor fl-ewwel azzjoni tal-logħba permezz ta’ Matthew Zammit, bl-iskor isir 2-0 lejn tmiem is-sessjoni minn Aurelien Cousin.
Il-logħba dehret li setgħet tkun aktar faċli għat-tim Malti, bl-iskor ikun 4-1 sa nofs it-tieni sessjoni, iżda l-Belarus wettqu reazzjoni u bi tliet gowls fit-tieni parti tas-sessjoni, iż-żewġ timijiet daħlu jistrieħu 4-4.
Aurelien Cousin skorja t-tieni gowl personali biex reġa’ poġġa lit-tim Malti minn fuq. Madankollu l-Belarus irnexxielhom idawru l-iskor b’gowls minn Aliaksandr Kharlap u fl-aħħar nofs minuta minn Aleksey Kuzmenko biex il-Belarus temmew it-tielet sessjoni 6-5 minn fuq.
Sa nofs l-aħħar sessjoni l-Belarus marru 8-5 minn fuq minn Shalamitski u Kuzmenko, iżda r-reazzjoni Maltija wasslet biex Matthew Zammit u Aurelien Cousin skorjaw lejn it-tmiem.
It-tieni leg tintlagħab is-Sibt 3 ta’ Marzu fl-4.00pm fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Belarus: M. Yazerski, P. Khrypachou, V. Velichka, A. Kharlap (1), I. Radzko, A. Dzikhtsiarenka, V. Ivanou (1), I. Tumas, A. Shalamitski (1), A. Kuzmenko (2), T. Padziarun (2), M. Chuprina (1), M. Isachanka
Malta: N. Grixti, A. Galea, D. Zammit, J. Abela, M. Zammit (2), S. Camilleri (1), J. Camilleri, B. Plumpton, A. Cousin (4), Z. Mizzi, D. Zammit, J. Tanti
Referees: Radoslaw Koryzna (Polonja), Matan Schwartz (Iżrael)
//= $special ?>