Lokali

Erbgħa jweġġgħu f’ħabta f’Għajnsielem

Erba’ persuni weġġgħu f’inċident tat-traffiku li seħħet illejla, fi Triq l-Imġarr f’Għajnsielem, Għawdex.

Jirriżulta li fl-inċident, li seħħ għall-ħabta tat-8.15pm, kienu nvoluti karozzi tat-tip Smart u tat-tip Toyota, li kellhom ħabta head-on.

Fil-vettura tat-tip Smart kien hemm ix-xufier waħdu ta’ 71 sena residenti Għajnsielem, filwaqt li fil-vettura tat-tip Toyota kien hemm raġel, mara u tifel ta’ madwar tliet snin, residenti x-Xewkija.

L-erba’ persuni nvoluti ttieħdu l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għall-kura. Il-mara ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi ħfief, it-tifel ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li r-raġel ta’ 33 sena ma sofra l-ebda ġrieħi.

Is-sewwieq tal-vettura Smart ġie ċċertifikat li qiegħed isofri minn ġrieħi serji u għaldaqstant huwa ttieħed ġewwa l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter sabiex jingħata l-kura meħtieġa.