Illum fl-Istadium Nazzjonali tintemm l-20 ġurnata tal-Kampjonat BOV Premier bil-partitissima bejn Valletta u Birkirkara. Dan il-konfront fl-aħħar snin dejjem ġibed interess fil-futbol lokali iżda din il-logħba għandha xenarju differenti. Fl-ewwel rawnd, Valletta kienu għelbu lil Birkirkara 3-0 b’gowls minn Michael Mifsud, Kyrian Nwoko u Denni Rocha dos Santos.
F’dak iż-żmien, Birkirkara kien qed ikollhom kampjonat diffiċli u dik kienet it-tielet telfa minn sitt logħbiet, b’dan il-konfront ma kienx jitqies bħala logħba tan-naħa ta’ fuq. Birkirkara ħadmu biex jirranġaw it-tim u jibdew jitilgħu fil-klassifika, xi ħaġa li rnexxielhom hekk kif il-Karkariżi ġejjin minn tmien rebħiet konsekuttivi fil-kampjonat u faċilment jitqiesu l-aktar tim fil-forma bħalissa.
Bir-rebħa ta’ Balzan ilbieraħ, id-distakk bejn il-leaders u Valletta bħalissa hu ta’ erba’ punti. Birkirkara jistgħu jieħdu vantaġġ minn dan il-konfront hekk kif l-eqreb sfidanti tagħhom għall-post fl-Ewropa, Gżira United, Hibernians u Floriana kollha spiċċaw draw din il-ġimgħa u rebħa għall-Istripes tarahom jieħdu vantaġġ ta’ żewġ punti fuq it-tliet timijiet.
Dan se jkun il-171 konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet, b’Valletta għandhom vantaġġ konsiderevoli b’total ta’ 94 rebħa kontra l-41 rebħa ta’ Birkirkara, bil-35 logħba l-oħra jispiċċaw fi draw. Fl-aħħar għaxar logħbiet fil-kompetizzjonijiet kollha, Valletta rebħu nofshom, tliet logħbiet spiċċaw bl-Istripes jirbħu żewġ logħbiet.
Iż-żewġ timijiet se jkun bl-aqwa skwadra possibbli għal din il-partita bl-eċċezzjoni għall-midfielder ta’ Birkirkara Matthew Guillaumier li għadu mweġġa’.
//= $special ?>