Il-Marokkin Said El-Baazouzi għeleb l-isfida tal-favorit Mohammed Hajjy biex rebaħ it-33 edizzjoni tal-maratona ta’ Malta filwaqt li fit-tielet post daħal il-Kenjan Henry Kipsang.
L-isfida kienet proprju sal-aħħar hekk kif El-Baazouzi għamel id-distanza ta’ 42.2 km f’ħin ta’ 2.18.36’ filwaqt li Hajjy għamilha f’ħin ta’ 2.18.58’. Kipsang daħal warajhom f’ħin ta’ 2.25.00’. Hajjy, rebbieħ ta’ din il-maratona sitt darbiet kien biss ftit ċentimetri wara El-Baazouzi meta t-tnejn li huma waslu x-xatt ta’ Tas-Sliema.
L-ewwel atleta Malti li qasam il-linja finali kien Andrew Chetcuti li għamel ħin ta’ 2.30.00’ biex spiċċa fis-seba’ post. Ir-rekord, li hu f’idejn Hajjy (2:16:06’) baqa’ ma nkisirx.
Il-Pollakka Anna Wasik rebħet il-kategorija tan-nisa hekk kif irreġistrat ħin ta’ 2.53.00 ‘. Fit-tieni post daħlet l-atleta mir-Repubblika Ċeka Nikolina Sustic li għamlet ħin ta’ 2.56.38’ filwaqt li l-ewwel Maltija li daħlet, għall-ħames sena konsekuttiva, kienet Josann Attard Pulis f’ħin ta’ 3.00.48’.
Fin-nofs maratona kien l-iŻivizzeru Fabian Downs li rebaħ hekk kif temm quddiem il-Malti Charlton Debono.
L-edizzjoni ta’ din is-sena rat rekord ta’ parteċipanti jieħdu sehem. Fil-Maratona, li bdiet mill-Mdina, ħadu sehem 970 kompetitur filwaqt li fin-nofs maratona ħadu sehem 3700 persuna.
Ta’ min jinnota li din is-sena ħadu sehem inqas atleti Maltin mis-sena l-oħra imma n-numru rekord ta’ parteċipanti kien reġistrat minħabba ż-żieda fin-numru ta’ atleti li ħadu sehem. B’kollox kienu 2874 barrani li ħadu sehem f’din it-tellieqa, bl-aktar nazzjon rappreżentat ikun dak tar-Renju Unit (724 parteċipant).
Fil-Maratona ħadu sehem 17-il mara Maltija u 85 raġel Malti filwaqt li fin-nofs maratona kien hemm 709 mara Maltija u 1151 raġel Malti.