Turist Amerikan qed jinżamm mill-Pulizija Ġappuniża f’Osaka wara li fl-appartament li kien qed jikri nstabet ras ta’ mara.
Ir-ras instabet f’bagalja ta’ mara Ġappuniża ta’ 27 sena li l-aħħar li ntlemħet ħajja kien f’filmat tas-CCTV miexja ma’ raġel li s-suspetti huma li hu t-turist Amerikan.
Jidher li hi qalet lill-ħbieb li kienet sejra tiltaqa’ ma’ Amerikan li kienet iltaqgħet miegħu f’sit soċjali.
L-Amerikan kien identifikat bħala Yevgeniy Vasilievich Bayraktar ta’ 26 sena minn New York.
Is-sejba makabra nstabet hekk kif il-Pulizija kienu qed jinvestigaw l-għajbien tal-mara. Hija kienet rappurtata nieqsa fis-16 ta’ Frar. Iżda Bayraktar qed jirrifjuta li jwieġeb għall-mistoqsijiet tal-Pulizija.
Hu mifhum li l-mara żaret appartament ieħor fil-Punent ta’ Osaka flimkien ma’ dan l-Amerikan.
Fl-appartament ma nstabu ebda fdalijiet umani oħra.
IL-ĠAPPUN:Tinstab ras ta’ mara f’appartament ta’ turist


