Lokali

Il-politika tal-Partit Nazzjonalista se tkompli taħdem għall-ġid tas-soċjetà

L-attività politika fil-bini tal-Fondazzjoni AŻAD kienet indirizzata minn erba’ kelliema, li taw ħarsa lejn id-diffikultajiet u t-tħassib tal-poplu, iżda fuq kollox, kif il-politika tal-Partit Nazzjonalista se tkompli taħdem għall-ġid tas-soċjetà.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni u Kelliem għall-Kunsilli Lokali Robert Cutajar qal li l-Partit Nazzjonalista qed ikun Oppożizzjoni pożittiva b’interventi u appoġġ għal Liġijiet li jkunu fl-interess tal-poplu. Bl-istess mod, il-qasam soċjali se jibqa’ ħolqa importanti fil-politika tal-Partit, hekk kif dan hu settur li l-Gvern Laburista mhu qed itih l-ebda importanza.

Bħala eżempju, Robert Cutajar għamel referenza wkoll għall-mod kif l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħadmet mal-Gvern favur il-Liġi dwar il-Vjolenza Domestika għax bħala Partit, hu kontra kull forma ta’ vjolenza domestika, tiġi minfejn tiġi.

Filwaqt li sostna kif fil-Partit Nazzjonalista m’hemmx post għal kulmin ma jridx jaħdem f’għaqda ma’ xulxin, Robert Cutajar appella biex il-ħidma tkompli ħalli l-Partit Nazzjonalista jwassal l-ewwel messaġġ f’Mejju 2019, fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali, għax Malta jixraqilha l-aqwa u l-aħjar.

L-attività kienet indirizzata wkoll mis-Sindku tal-Belt Alexiei Dingli, li rringrazzja lill-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, li grazzi għall-viżjoni tiegħu, illum pajjiżna qed igawdi t-titlu tal-Valletta 2018 wara numru ta’ proġetti u investimenti li saru taħt Gvern immexxi minnu.

Alexiei Dingli stqarr kif, minkejja li appoġġa Kandidat ieħor għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-Partit, b’Adrian Delia sab bieb miftuħ u appoġġ liema bħalu għax il-Kap tal-Partit Nazzjonalista ‘means business’ bil-fatti.

Min-naħa tiegħu, il-Viċi Sindku tal-Belt Christian Micallef innota kif f’ħames snin, il-Gvern Laburista injora għalkollox lill-Belt u lir-residenti Beltin, filwaqt li Kunsill Lokali b’maġġoranza Nazzjonalista qed ikompli jiċċelebra mar-residenti għax kburi bil-Beltin. Il-Kunsill jemmen bis-sħiħ li r-residenti huma prijorità.

U l-Minority Leader fil-Kunsill Lokali tal-Furjana James Aaron Ellul qal li l-lokalità qed tkun fil-mira ta’ vandaliżmu minħabba n-nuqqas ta’ sigurtà li qed jipprovdi l-Gvern. Sostna li l-abbużi qed jirrenjaw, tant li l-Furjana llum saret mekka għall-abbuż.

Filwaqt li elenka numru ta’ inċidenti li seħħew fl-aħħar ġimgħat, il-Kunsillier Nazzjonalista qal li s-suppervja tal-Gvern wasslet biex anke l-Ewrobarometru juri kif 45 fil-mija tal-Maltin u l-Għawdxin qed iħossu nuqqas qawwi ta’ sigurtà fil-pajjiż.