Kunsilli Lokali Lokali

Inċertezza fi ħdan il-Gwardjani Lokali dwar il-futur tagħhom

Il-PN irid li r-riforma tal-Gwardjani Lokali tkun sostenibbli u li f'dan il-każ is-sistema tal-ordni, l-infurzar u l-ġustizzja titħaddem tassew fl-interess tal-ġid komuni

B’inċertezza kbira fl-aħħar ġimgħat dwar il-futur tal-Gwardjani Lokali, lejliet l-ewwel diskussjoni dwar abbozz li jitratta l-Gwardjani Lokali l-GWU ħasset il-ħtieġa li toħroġ stqarrija li ilha għaddejja bit-taħdidiet bejn il-General Workers’ Union, il-kumpannija Guard & Warden Ltd, il-LESA u l-Ministeru responsabbli mill-Gwardjani Lokali.

Dwar dan tkellimna ma’ Robert Cutajar, il-Whip tal-Grupp Parlamentari tal-PN u l-kelliem tal-Kunsilli Lokali tal-Oppożizzjoni fejn qalilna li l-proposti tal-Partit Nazzjonalista b’rabta ma’ dan u b’rabta mar-riforma tal-Kunsilli Lokali se jkunu li jħarsu ukoll lill-Gwardjani Lokali u kif ukoll li s-sistema tal-infurzar titħaddem fl-interess ta’ kulħadd.

Robert Cutajar fuq il-mument qal li l-PN għandu r-riservi tiegħu dwar kemm il-LESA ħalliet il-frott mixtieq u jekk fil-verità ma laħqitx l-aspettativi tagħha. Qal li l-PN se jibqa’ jaħdem għax jinteressah li d-diskussjoni li suppost hi parti mir-riforma tal-Kunsill Lokali tkun waħda sostenibbli u li f’dan il-każ is-sistema tal-ordni, l-infurzar u l-ġustizzja titħaddem tassew fl-interess tal-ġid komuni.

Il-Gwardjani Lokali għandhom jingħaqdu kollha mal-LESA fl-1 ta’ Mejju li ġej.