Stewart Said
MOSTA……………0
ĦAMRUN S……..2
Wara nuqqas ta’ ħames partiti, Ħamrun Spartans irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mosta 2-0. Rebħa meritata għal Ħamrun li kienu l-aħjar tim tul id-90 minuta, minkejja li l-partita ma kinitx waħda li qajmet interess minn dawk li segwewha. Għal fini tal-klassifika, din il-logħba ma biddlitx affarijiet, b’Mosta jfallu l-opporunità li jilħqu lil Ħamrun fil-klassifika.
Tliet bidliet fuq kull naħa mill-partiti preċedenti tagħhom. Il-kowċ Johann Scicluna beda b’Zachary Brincat fuq in-naħa leminija tad-difiża flok Jonas Ekani, b’Ismael Bangoura u Moussa Souare jkunu preferuti minn Emmanuel Agyemang u Leonardo Ferreira.
Fuq in-naħa l-oħra, Ħamrun fl-assenza tal-kowċ Jacques Scerri li kien sospiż, bdew b’Steve Sultana fil-lasta flok Jake Galea filwaqt li s-sospiżi Daniel Zerafa u Tiago Souza de Silveira ħoloq spostament tattiku, b’Tiago Espindola u Alex Nilsson jibdew mal-ewwel ħdax filwaqt li Triston Caruana kellu jilgħab fid-difiża.
L-ewwel taqsima kienet milgħuba fuq ritmu baxx b’diversi passaġġi żbaljati u nuqqas ta’ azzjonijiet mibnija. Ħamrun kellhom aktar inizjattiva b’Mosta aktar konċentrati fid-difiża. Ħamrun ħolqu l-ewwel periklu serju wara 19-il minuta bi kross mix-xellug lejn Dale Camilleri li għola iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet salvata minn Andreas Vella.
Il-logħob kompla jiżvolġi f’nofs il-grawnd sakemm fi spazju ta’ tliet minuti, Ħamrun kellhom tliet okkażjonijiet perikolużi. Fil-35 minuta Lydon Micallef resaq qrib b’xutt imdawwar mix-xellug li ħabat mal-wieqfa. Żewġ minuti wara, Micallef irċieva mingħand Triston Caruana u xxuttja fuq l-ewwel lasta b’Andreas Vella jdawwar f’korner. Mill-korner sussegwenti, Vella kien protagonist meta salva fil-ħin bl-għajnuna tal-wieqfa, daqqa ta’ ras mill-viċin.
Ċans ieħor għal Ħamrun qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn korner mil-lemin, Andreas Vella naqas li jaħtaf il-ballun, bid-difiża Mostija jirnexxielha tbiegħed minn fuq il-linja.
Ħamrun baqgħu aktar fuq l-offensiva mill-avversarj fil-bidu tat-tieni taqsima u fit-48 minuta Lydon Micallef kellu xutt fil-baxx imdawwar f’korner minn Vella. Azzjoni minn Mosta ftit qabel is-siegħa logħob b’Moussa Soare jħabbat il-ballun qabel ma jikkonkludi fil-baxx, xutt li spiċċa f’idejn Steve Sultana.
L-akbar okkażjoni tal-logħba għal Mosta waslet fit-63 minuta b’Steve Sultana jkun protagonist assolut. L-ewwel kien Giordano Trovade li prova b’xutt b’saħħtu, Sultana tar minn tulu biex salva parzjalment, mir-rebawnd ix-xutt ta’ Sammartino kien salvat biex prattikament minn quddiem il-lasta, Sultana reġa’ salva x-xutt ta’ Ferreira.
Ta’ dan pattew qares għaliex żewġ minuti wara Ħamrun marru fil-vantaġġ. Kien Faria Machado li fetaħ tajjeb min-nofs lejn Alex NILSSON li minn qagħda ideali għeleb lil Andreas Vella.
Ir-reazzjoni ta’ Mosta ma waslitx f’azzjoni konkreta u Ħamrun irnexxielhom jagħlqu l-logħba fil-85 minuta. Għal darba oħra kien Alex NILSSON li b’azzjoni personali dar ma’ difensur u għamel spazju għalih biex minn qagħda ideali tefa’ wara Vella b’konklużjoni fil-baxx.
//= $special ?>