Futbol Sport

KAMPJONAT BOV PREMIER: Draw li jgawdu l-aktar minnu Balzan

Il-konfront tant mistenni bejn Valletta u Birkirkara ntemm fi draw ta’ mingħajr gowls (Ritratt– Dominic Borg)

Stewart Said

VALLETTA…………0
BIRKIRKARA……..0

Iż-żewġ timijiet riedu rebħa biex ikomplu jittamaw li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom iżda r-riżultat finali spiċċa bit-tnejn delużi filwaqt li l-aktar li ħarġu kuntenti kienu l-leaders Balzan li issa kabbru d-distakk fil-quċċata għal tliet punti fuq Valletta.

Birkirkara issa jinsabu seba’ punti taħt Balzan u ċ-ċansijiet remoti li jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat intemmu. Huma reġgħu jinsabu punti ndaqs ma’ Gżira United.

Finalment ir-riżultati finali kien wieħed ġust, b’Valletta jkunu aħjar fl-ewwel taqsima filwaqt li Birkirkara ħarġu aħjar wara l-mistrieħ.

Il-faxex kienu restritti, b’Pena Beltre jżomm tajjeb lil Dimitrov, filwaqt li Joseph Zerafa kien mgħasses milli javvanza minn Carlos da Silva. Partita tajba speċjalment għall-midfielders Rowen Muscat u Ibrahim Saleh għal Valletta u Mislav Andelkovic.

Birkirkara bdew il-logħba aktar aggressivi u wara erba’ minuti ħolqu l-ewwel azzjoni bi kross ta’ Dimitrov mix-xellug lejn Ognjen Rolovic, iżda d-daqqa ta’ ras tiegħu kienet salvata minn Henry Bonello.
Tmien minuti u Valletta ħolqu l-ewwel periklu. Kien kontrattakk mil-lemin, Albert Prosa krossja għan-nofs b’Cain Attard u Miguel Alba jaqgħu fil-kaxxa, b’Valletta jipprotestaw għal penalty, iżda r-referee Glen Tonna ħalla l-logħob għaddej.

Żewġ minuti wara Valletta kellhom ċans tad-deheb meta minn żball f’nofs il-grawnd, id-difiża nqabdet fuq sieq waħda, b’Albert Prosa jaqbad lil Naumovski minn postu, iżda minflok ixxuttja għażel li jkompli javvanza, bix-xutt finali jkun imdawwar f’korner mill-gowlkiper Karkariż.

Valletta bdew jikkontrollaw il-logħba aktar mill-avversarji, u fit-33 minuta ħolqu azzjoni perikoluża oħra. Ibrahim Saleh għadda fuq il-lemin lejn Kyrian Nwoko li kien f’pożizzjoni tajba, iżda x-xutt finali tal-attakkant ma kienx tajjeb biżżejjed u Naumovski dawwar f’korner.

Mill-istess korner, Ryan Camilleri seta’ għamel aħjar fuq it-tieni lasta, bix-xutt finali jgħaddi barra.

It-tieni taqsima kienet aktar bilanċjata biż-żewġ timijiet jikkanċellaw lil xulxin. Birkirkara kellhom ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor fit-62 minuta.

Kien kross mil-lemin ta’ Carlos da Silva għan-nofs, Steve Borg ma laqatx il-ballun, b’Ognjen Rolovic jispiċċa waħdu, iżda x-xutt mill-ewwel tal-attakkant għadda barra.
Valletta wieġbu tmien minuti wara, b’xutt mill-ewwel tas-sostitut Matteo Piciollo li għadda ferm għoli wara azzjoni ta’ korner. Birkirkara bdew ikunu aktar perikolużi fl-aħħar fażijiet tal-logħba u fit-83 minuta kellu jkun Ryan Camilleri li kien fil-post it-tajjeb biex jimblokka daqqa ta’ ras perikoluża ta’ Nikola Vukanac.

B’riżultat ta’ draw iż-żewġ timijiet pruvaw ifittxu l-gowl tad-draw. Fis-87 minuta kellu jkun Naumovski li salva tajjeb xutt b’saħħtu ta’ Malano, biex żewġ minuti wara, daqqa ta’ ras ta’ Vukanac għaddiet ftit għoli.