Lokali

LEAKS MILL-PL: Ġlied dwar jekk Stagno Navarra jitħalliex joħroġ għal MEP

MEPs jinsistu li Karl Stagno Navarra mhux persuna li tista' tkun fdata: Membri tal-Eżekuttiv Laburista jsostnu li l-kandidatura tiegħu għandha tkun aċċettata biss jekk jaqta' d-djun li għandu u ma jibqax jissellef fuq l-idejn

Il-gazzetta il-mument żvelat illum li l-preżentatur fuq l-istazzjon Laburista ‘One’ ilu jħejji t-triq biex minn hawn u ftit xhur oħra jkun uffiċjalment dikjarat kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għandha ssir is-sena d-dieħla. Iżda jidher li għalkemm għamel minn kollox biex jikseb din il-pożizzjoni ta’ prestiġju li ġġib magħha salarju ta’ mitt elf ewro, sorsi fil-Partit Laburista li tkellmu ma il-mument żvelaw li “Stagno Navarra se jiġi rifjutat minħabba l-baggage li għandu.”

Fil-Partit Laburista qed jingħad li “permezz tal-programmi li akkwista fuq is-‘Super One’, Karl Stagno Navarra qed jieħu vantaġġ kbir fuq kandidati prospettivi oħrajn tal-Partit Laburista”. Dawn isostnu li Stagno Navarra qed ikun imbuttat minn Keith Schembri tal-Kasco, li hu wkoll Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Iżda Laburisti li ilhom jimmilitaw fil-Partit Laburista għal ħafna snin mhux biss ma għandhomx fiduċja fl-istess preżentatur – li jafu tajjeb minfejn ġej u kif spiċċa fil-midja tal-Partit Laburista – iżda huma wkoll isostnu li dan ma għandux ikun fost il-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-qasma evidenti fil-Partit Laburista, anki fuq dan il-livell, toħroġ ċara anke mill-fatt li persuni fil-Partit Laburista ħassew li għandhom jikxfu ma’ il-mument dak li qed jiġri wara l-kwinti. Dawk li qed jopponu mhumiex iżolati. Hemm ukoll dawk li ġew milgħuba mill-istess Karl Stagno Navarra li fix-xhur u s-snin li għaddew irnexxielu jdaħħal fil-but lil bosta persuni oħrajn li magħhom spiċċa l-Qorti minħabba dak li jiddeskrivu bhala ‘daħak bihom’.

Fil-fatt kandidati oħrajn prospettivi għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew jistqarru li huma jiskantaw kif it-Tmexxija tal-Partit u wħud influwenti f’Kastilja jistgħu jaċċettaw għal din l-elezzjoni lil Karl Stagno Navarra fid-dawl li dan hu midjun ma’ għadd ta’ nies li jkomplu jiġru warajh – saħansitra b’kawżi fil-Qorti – wara li selfuh flus u baqgħu b’xiber imnieħer.

Aktar dettalji fil-ħarġa tal-lum ta’ il-mument