Lokali

Il-Maltin m’għadomx iħossuhom li qed jgħixu fl-aktar post sigur fl-Ewropa

F’5 snin taħt joseph Muscat il-Maltin m’għadomx iħossuhom li qed jgħixu fl-aktar post sigur fl-Ewropa, imma sar l-aktar poplu mbeżża’ bil-kriminalità f’pajjiżhom. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia meta indirizza diskussjoni politika fil-Belt Valletta. Huwa kien qed jikkwota l-Ewrobarometru li jgħid li b’45%, il-Maltin huma l-aktar fl-Ewropa li huma nkwetati bil-kriminalità f’pajjiżhom. Huwa qal li il-Gvern mhux jinvesti fil-Korp tal-Pulizija u mhux jagħtihom ir-riżorsi li jeħtieġu u qed iħallihom immexxija minn Kummissarju li ħadd m’għandu fiduċja fih.

Dr Delia qal ukoll li dan il-Gvern sab il-flus biex jagħtihom lill-investituri misterjużi wara l-Vitals u d-deal dubjuż li bih ingħataw l-isptarijiet pubbliċi iżda ma sabx flus sabiex jindirizza l-problemi tan nies fosthom is-sigurtà, l-faqar u l-kwalità tal-ħajja.

“Mhux se nieqaf nitkellem fuq is-saħħa meta l-Gvern qed jiftaħar li qed jagħmel il-miljuni bil-bejgħ tal-passaporti u imbagħad m’għandux il-flus għall-pazjenti. Jgħid li qed jagħmel is-surplus imbagħad iġib il-barranin biex imexxu l-isptarijiet tagħna meta t-tobba u l-professjonisti tagħna huwa l-aqwa fl-Ewropa.” Qal Adrian Delia.

Dr Delia reġa’ staqsa fejn marru l-€50 miljun li l-Gvern ta lil Vitals meta ma wettqu l-ebda investiment. Adrian Delia mar il-Qorti biex jiftaħ kawża sabiex jibqa’ jiġġieled għad-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin. Din il-kawża qed titlob lill-Qorti tiddikjara null id-deal dubjuż ma’ Vitals u l-isptarijiet jerġgħu jingħataw lill-poplu.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ngħata ir-raġun fuq ħafna affarijiet, kif reġa’ ngħata raġun wkoll dwar il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar. Dan meta nfetħet kawża fil-Qorti biex ir-rieda tar-residenti f’San Pawl il-Baħar tiġi rispettata. Sostna li l-politika tal-Partit Nazzjonalista se tibqa’ qrib tan-nies, sabiex nifhmu u naraw dak li huwa importanti għan-nies.