Manchester City għelbu lil bi skor ta’ 3-0 Arsenal fil-finali tal-League Cup. Għall-manager ta’ Man City Pep Guardiola dan kien l-ewwel suċċess tiegħu sa minn meta beda jaħdem fl-Ingilterra. Ir-rebħa li kisbu City kienet reazzjoni wara d-disfatta li kellhom jiem qabel hekk kif dawn kienu sfaw eliminati mill-FA Cup b’telfa kontra Wigan.
Fit-18-il minuta kien is-solitu Sergio AGUERO li fetaħ l-iskor għal Man City b’xutt minn barra l-kaxxa. Bir-reazzjoni ta’ Arsenal ma tasalx, Man City rduppjaw l-iskor fit-58 minuta.
Din id-darba kien Vincent KOMPANY li sab ix-xibka mill-viċin wara li rċieva mingħand Gundogan. Fil-65 minuta City żiedu ieħor b’gowl ta’ David SILVA li skurja b’xutt minn tarf il-kaxxa.
Ta’ min jinnota li Arsene Wenger, li ilu jmexxi lil Arsenal sa mill-1996, qatt ma rebaħ din il-kompetizzjoni, li hi fil-fatt l-unika waħda li qatt ma rebaħ f’dan il-pajjiż.
Għal City, dan kien it-tieni suċċess tagħhom f’din il-kompetizzjoni f’temp ta’ tliet snin hekk kif l-aħħar darba li kienu rebħuha kien kontra Liverpool bil-penalties. Għal Arsenal dan kien diżappunt ieħor wara li tilfu l-finali fl-2011 kontra Birmingham.
Din kienet it-tieni darba li Man City għelbu lil Arsenal matul dan l-istaġun. F’Novembru li għadda fl-Etihad Stadium City, f’logħba tal-kampjonat, kienu ħarġu rebbieħa bi skor ta’ 3-1.
Issa la darba City rebħu din it-tazza, jiffukaw biex ikomplu bil-mixja tagħhom fil-Premiership hekk kif bħalissa qegħdin fl-ewwel post u qegħdin anke b’sieq fil-fażi tal-aħħar tmienja taċ-Champions League wara li rebħu 4-0 barra minn darhom kontra Basel.
//= $special ?>