Lokali

Nassaba u dilettant mgħarrfa li kmamar u duri antiki se jkollhom jitwaqqgħu

Dan sabiex l-AUM fiż-Żonqor tkompli tkun akkomodata mill-koxxa.

Fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, uffiċjali tal-Awtorità tal-Ippjanar infurmaw għadd ta’ sidien ta’ kmamar u duri antiki fl-inħawi taż-żona ta’ San Anard, li l-binjiet immarkati minnhom, se jkollhom jitwaqqgħu kollha.

Din iż-żona privata kienet tifforma parti mill-pjanti oriġinali tal-art kbira li l-Gvern kien għadda lill-Grupp Sadeen biex jiżviluppa dik li kellha tkun l-American University of Malta.

Dan ġie żvelat minn sidien li tkellmu ma’ il-mument, li fissru t-tħassib tagħhom għal din l-azzjoni għal għarrieda tal-Awtorità tal-Ippjanar li mingħajr ebda diskussjonijiet ta’ xejn magħhom, iżda probabbilment, biex ikunu akkomodati r-rekwiżiti tal-Grupp Sadeen, se jitwaqqgħu numru ta’ proprjetajiet f’għelieqi u f’raba, li ilhom mibnija għal ħafna u ħafna snin.

Dawn is-sidien qalu lil il-mument, li ma jistgħux jifhmu kif l-Awtorità tal-Ippjanar waslet għal din id-deċiżjoni arbitrarja, u saħansitra, l-uffiċjali tal-Awtorità insistew magħhom li jew iwaqqgħu dawn il-binjiet huma, jew inkella twaqqagħhom l-Awtorità bi spejjeż għall-istess sidien.

Filwaqt li l-uffiċjali tal-Awtorità heddew saħansitra wkoll b’multi konsiderevoli kuljum, infurmaw lis-sidien li kull min kellu vaski jew xi mogħdijiet bil-ġebel, kellu jaqlagħhom ħalli l-post jieħu d-dehra oriġinali tiegħu.

Nifhmu li dawn is-sidien huma rrabjati ħafna għall-Gvern li f’ebda programm elettorali tiegħu ma semma azzjoni drastika fil-konfront ta’ binjiet antiki, bħalma huma dawn tagħhom.

Jirriżulta li wħud minn dawn is-sidien kienu tal-idea li saħansitra, imorru jkellmu lil xi Ministru Laburista ħalli jaqbeż għalihom. Fil-fatt, f’dan ir-rigward, bdiet tinġabar petizzjoni fost l-istess sidien milquta biex twaqqaf lill-Gvern milli a skapitu tagħhom, ikompli jaġevola l-interessi tal-American University of Malta.

Sadattant, fi żvilupp ieħor li seħħ dwar dan il-każ, jirriżulta li l-Awtorità tal-Ippjanar ma jidhirx li se timxi mas-sidien kollha fl-inħawi bl-istess mod. Fil-fatt, qed jingħad li xi kmamar ta’ ċerti rjus kbar, se jitħallew intatti. Dan qiegħed ikompli jirrabja lill-istess sidien, fis-sens li l-Awtorità tal-Ippjanar timxi b’kejl differenti ma’ nies fl-istess sitwazzjoni.

Sidien milquta minn din l-azzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar, komplew jgħidulna li ma jiistgħux jifhmu wkoll kif se jitwaqqgħu duri antiki ħafna li fihom, in-nassaba għandhom ħlasijiet f’posthom għar-rigward tal-permessi fejn jistgħu jipprattikaw id-delizzju tagħhom.