Futbol Sport

PREMIERSHIP INGLIŻ: Man Utd iwettqu rimonta kontra Chelsea

Ir-Red Devils ħarġu rebbieħa kontra Chelsea

Manchester United wettqu rimonta biex f’Old Trafford għelbu lil Chelsea bi skor ta’ 2-1.

Grazzi għal din ir-rebħa Man Utd reġgħu jinsabu fit-tieni post tal-klassifika. Fl-ewwel taqsima Chelsea kienu aħjar imma wara li ġabu d-draw, Man Utd żiedu fil-logħob sakemm saħanistra skurjaw ieħor biex ħadu tliet punti prezzjużi.

Fir-raba’ minuta Chelsea laqtu l-lasta permezz ta’ Morata u wara din l-azzjoni Man Utd kellhom mument tajjeb u kien proprju f’dan il-ħin, fit-32 minuta meta Chelsea fetħu l-iskor.

Minn azzjoni ta’ kontra attakk Hazard għadda ballun lejn WILLIAN li daħal fil-kaxxa u għeleb lil De Gea b’xutt b’saħħtu.

Seba’ minuti wara Man Utd ġabu d-draw meta Martial poġġa ballun fuq platt lil LUKAKU li skurja mill-viċin.

Kwarta mit-tmiem wasal il-gowl deċiżiv meta din id-darba Lukaku tefa’ cross perfett lejn LINGARD li skurja b’daqqa ta’ ras.

Ħames minuti mit-tmiem Morata skurja gowl imma dan tħassar għal offside biex b’hekk l-iskor baqa’ 2-1 sat-tmiem.

Fil-logħba l-oħra Tottenham kellhom jitħabtu ferm aktar milli kien mistenni biex rebħu 1-0 barra minn darhom kontra Crystal Palace.

L-eroj tal-Ispurs kien is-solitu Harry KANE li skurja żewġ minuti mit-tmiem meta minn azzjoni ta’ corner ta’ Eriksen skurja b’daqqa ta’ ras. Għal Kane dan kien it-35 gowl tal-istaġun.

Fatt kurjuż hu li waqt il-logħba l-plejer ta’ Tottenham Serge Aurier għamel tliet foul-throws, minkejja l-fatt li sitt minuti mit-tmiem falla ċans kbir.