Lokali

Xogħlijiet infrastrutturali, storbju u trabijiet fil-binja tal-ITS f’Pembroke

Għalliema u studenti li jattendu fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) f’Pembroke, din il-ġimgħa, ilmentaw mal-gazzetta il-mument dwar il-kundizzjonijiet xejn dinjitużi li fihom qed ikollhom jgħallmu jew jitgħallmu minħabba x-xogħliet infrastrutturali li qed isir fl-istess inħawi bi preparamenti għal proġett massiċċ, li għandu jittella’ fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

L-għalliema u l-istudenti li tkellmu ma’ il-mument fissrulna kif is-sitwazzjoni saret għalkollox inaċċettabbli li l-lezzjonijiet tat-tisjir, il-lezzjonijiet tat-teorija jew tal-prattika qed ikunu mxekkla mix-xogħlijiet infrastrutturali li qed isiru minħabba l-ħafna storbju u trabijiet li qed ikunu kkawżati.

Inċident partikulari li seħħ fil-bidu ta’ din il-ġimgħa, kien jirrigwarda wieħed mill-ħitan tal-istess skola li l-kuntrattur involut fix-xogħlijiet jirriżulta li waqqgħu bi żball. Dak il-ħin qamet għagħa kemm fost l-għalliema kif ukoll fost l-istudenti minħabba li din is-sitwazzjoni ġġenerat fl-istess skola.

Dan l-inċident seħħ nhar it-Tnejn li għadda filgħodu, u kien hemm ukoll xi karozzi ta’ xi għalliema li spiċċaw ġarrbu ħsarat estensivi minħabba li ċnagen li kienu jiffurmaw parti minn dan il-ħajt, waqgħu għal fuqhom.

L-għalliema li tkellmu ma’ il-mument fissru li mhumiex huma u l-istudenti biss imħassba dwar dak li qed jiġri, għaliex fil-verità, anki t-tmexxija tal-Istitut mhix kuntenta bil-mod kif qed jiżviluppaw l-affarijiet.

Huma żiedu li, fil-fatt, jifhmu li t-tmexxija tal-Istitut wasslet l-ilmenti tagħha, iżda kollox jindika li kollox waqa’ fuq widnejn torox għaliex ma ttieħdet ebda azzjoni biex tissalvagwarda lill-għalliema u l-lezzjonijiet li jagħtu lill-istudenti u lit-tagħlim li suppost jirċievu.

Sadattant, l-istess għalliema qalulna li fil-futur immedjat, kollox jindika li l-funzjoni tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi se tkun trasferita għall-binja l-antika tal-kumpanija nazzjonali tal-ajru l-Air Malta f’Ħal Luqa. “Minn dak li qed nisimgħu, jidher li fil-perjodu transitorju li aħna se ndumu hemmhekk sakemm immorru fiSmart City, il-kwalità tat-tagħlim se tbatti u l-vittmi se nkunu kemm aħna l-għalliema kif ukoll l-istudenti għaliex il-kċejjen żgur li mhux se jkunu mgħammra kif inhuma mgħammra hawnhekk.”

L-istess għalliema żiedu li l-konfużjoni li qed tirrenja bħalissa fl-Istitut hi l-konferma ta’ kemm il-Gvern ma jidhirx li qiegħed jagħti importanza massima lill-funzjoni ta’ dan l-Istitut, li minnu jridu joħorġu dawk li jridu jservu fl-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità fil-futur qrib, u mhux daqstant qrib.

Huma komplew, issa bħala ċittadini, li fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, issa jifhmu ferm aħjar għaliex il-ħafna għaġla u intriċċi biex din l-art imprezzabbli f’Pembroke nbiegħed mill-Gvern lill-privat għal skop ta’ żvilupp massiċċ.

Huma fakkruna kif anki l-istess settur kummerċjali, fosthom l-iżviluppaturi u l-lukandiera, huma kontra l-mod kif il-Gvern ta l-art imprezzabbli f’Pembroke biex fuqha jsir dan il-proġett kontroversjali.

Huma komplew li kellu raġun il-Partit Nazzjonalista jkun kontra dan il-proġett għaliex fil-verità, dan il-proġett hu riżultat ta’ ftehim kontra l-interess tal-poplu Malti.

Huma temmew li anki huma li jimmilitaw fil-kamp tas-servizzi, japprezzaw il-ħidma li twettqet mill-Partit Nazzjonalista biex wasslet il-messaġġ dwar kemm dan il-ftehim sar b’mod skorrett proprju minħabba l-proċess tal-offerta, il-valur tal-art stipulat fil-kuntratt, il-mof kif inqabeż il-Parlament, u l-fatt li l-proġett kif propost hu kontra l-pjan lokali taż-żona.​