L-għaqda tal-istudenti tal-liġi ‘ELSA’ nediet proġett fejn qed twettaq numru ta’ żjarat ġewwa istituzzjonjijiet post-sekondarji madwar Malta u Għawdex, bl-għan li tipprovdi studenti tal-liġi prospettivi b’informazzjoni dwar il-kors tal-liġi.
Waqt dawn iż-żjarat, l-istudenti prospettivi qed jingħataw ukoll pariri essenzjali dwar il-ħajja universitarja, kif ukoll dwar il-mod kif l-għaqda studenteska ‘ELSA’ ittejjeb l-esperjenza skolastika tal-istudenti tal-liġi bl-organizazzjoni ta’ attivitajiet soċjali, attivitajiet akkademiċi, konferenzi legali, ‘moot courts’ u safar barra minn Malta.
Iż-żjarat bdew minn Giovanni Curmi Higher Secondary fin-Naxxar, li ġiet segwita minn żjara ġewwa l-Kulleġġ San Alwiġi f’Birkirkara. Imma l-iktar żjara riċenti kienet dik fl-iskola M.A Refalo Centre for Further Studies, fir-Rabat Għawdex.
L-aħħar żjara minn dawnk kienet differenti miż-żjarat l-oħra, minħabba l-fatt li kienet indirizzata minn William Vella, Liason Officer tal-KNŻ f’Għawdex. Vella, li gradwa bħala avukat riċentament, ta spjegazzjoni dettaljata tal-kors tal-liġi, kif ukoll informazzjoni dwar it-transizzjoni mill-ħajja studenteska għall-ħajja professjonali ta’ avukat prattikant.
Dr. William Vella kien akkumpanjat minn Chris Grech, direttur għall-Affarijiet Akkademiċi ta’ ELSA Malta.
