Lokali Parlament

Il-Gvern jaċċetta proposta tal-Oppożizzjoni għal rappreżentanza fit-Task Force ta’ Brexit

Il-Gvern llejla aċċetta proposta tal-Oppożizzjoni biex din tinnomina persuna ta’ fiduċja tagħha fit-task force dwar Brexit.

Din il-pożizzjoni tal-Gvern kienet espressa mill-Prim Ministru Joseph Muscat wara proposta tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fis-seduta parlamentari li ddiskutiet stqarrija parlamentari mill-Prim Ministru Joseph Muscat; proposta li fiha l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia espriema l-impenn tal-Oppożizzjoni li tikkontribwixxi għall-pajjiż.

Il-Prim Ministru tkellem dwar is-summit tal-UE Leader’s Agenda li sar fit- 23 ta’ Frar 2018 fi Brussell li ddiskuta n-nefqa tal-UE wara l-2020; proċess li hu l-aktar kumpless minħabba Brexit. Il-propsti konkreti se jsiru f’Mejju iżda s’issa hemm il-pożizzjonijiet ġeneriċi tal-pajjiżi membri.

Hemm differenzi bejn il-pajjiżi membri dwar il-budget, il-fondi fejn setturi tradizzjonali u lejn setturi ġodda, il-qasam diġitali u r-riċerka, is-sors ta’ dħul awtonomu mill-UE u t-tul tan-negozjati. Malta ssostni li l-proċess għandu jifhem is-sitwazzjoni ta’ kull stat membru. Minkejja li l-proċess mhux faċli, Malta hi konvinta li se ġġib riżultati pożittivi, sostna l-Prim Ministru.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia tkellem dwar l-importanza ta’ l-aqwa pakkett finanzi. Dawn in-negozjati qatt ma jkunu faċli. Hu rringrazzja lil dawk li fil-passat ġabu l-aqwa pakkett finanzjarju lejn il-pajjiż u kompla li din hi opportunità għall-pajjiż. Hu semma l-problema tal-kriminalità fil-pajjiż u qal li l-parti tal-budget għall-immigrazzjoni mhux se tonqos minkejja Brexit.

Malta għandu jkollha l-abbiltà li turi li l-immigrazzjoni hi kwistjoni prinċipali li tolqot lill-pajjiż. Malta dejjem kienet il-pont bejn l-Ewropa u l-Afrika. Din hi kwistjoni ta’ sensittività kbira u għalhekk il-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jippreżentaw front wieħed biex tkun attwata politika li ġġib l-aħjar għall-pajjiż

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-Oppożizzjoni ma kinitx involuta mill-Gvern f’dievrsi setturi. Malta f’dan ir-rigward qed tikkomepti ma’ pajjiżi oħra fejn anki mill-Brexit hemm pajjiżi li qed jaraw kif jiggwidaw.

Il-Kap tal-PN stieden lill-Gvern biex jinvolvi iktar lill-Oppożizzjoni fit-task force biex ikun assigurat li l-gvern jirnexxielu jġib lejn Malta l-aqwa pakkett kif sar fl-imgħoddi. Dan hu budget ferm importanti għall-pajjiż għalkemm l-aktar importanti hu li Malta tirriafferma l-pożizzjoni tagħna fuq l-imwejjed tad-diskussjoni fl-UE.

David Stellini qal li l-Opożizzjoni mhix membru tal-Brexit Task Froce u staqsa x’ qed isir mill-gvern dwar il-kumpaniji li hemm f’Londra biex jirrilokaw f’Malta u dwar it-30,000 Malti li jgħixu fir-Renju Unit u li ma jafux li jridu japplikaw għall-istatus tagħhom.

Dwar l-immigrazzjoni hu qal li issa nfetħu l-bibien li l-immigranti li jkunu salvati fil-Mediterran jistgħu jiġu Malta. Il-Prim Ministru għandu jispjega wkoll fejn ittieħdet din id-deċiżjoni u għandu jiddikjara jekk jaqbilx ma tassazzjoni awtoomina mill-UE.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat wieġeb li l-Brexit Task Force hi waħda teknika iżda l-Oppożizzjoni tista’ tinnomina persuna ta’ fiduċja tagħha fuq din it-task force, li għandha l-iskop li jinġieb ix-xogħol lejn Malta. Hu qal li jippreferi sistema ta’ tassazzjoni li kull pajjiż jiddeċiedi s-sistema ta’ tassazzjoni tiegħu milli tkun l-UE li tiġbor il-flus hi mit-tassazzjoni.

Malta se tibqa tikkwalifika għall-fondi ta’ koeżjoni għalkemm hemm kwistjoni fuq il-fondi strutturali minħabba li dawn japplikaw għal pajjiżi reġjuni. Il-gvern qed jistenna l-ewwel proposta mill-UE biex jieħu l-pożizzoni tiegħu, sostna l-Prim Ministru.