-Karl Gouder, PN
Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder qal li l-kunsilli lokali għandhom ikunu mgħejjuna iktar u msaħħa beix ikunu f’pożizzjoni aħjar li jaqdu l-obbligi tagħhom.
Fil-parlament Karl Gouder sellem lill-kunsillieri u qal li l-esperjenza tal-kunsilli lokali kienet waħda tajba anki jekk hemm bżonn ta’ bidliet. Hu qal li meta s-sistema tal-infurzar kienet f’idejn il-kunsilli lokali, din kienet taħdem aħjar. Għandhom jiżdiedu r-riżorsi u r-responsabbiltajiet lejn il-kunsilli lokali, sostna Karl Gouder, li kompla li qabel il-kunsilli lokali kienu jieħdu iktar flus li kienu jintefqu fil-komunità.
Jeħtieġ isir tibdil radikali fil-mod kif jitħarrġu n-nies u kif joperaw il-gwardjani lokali anki fejn jidħlu l-ħiliet mal-pubbliku. Iridu jkunu kkunsidrati wkoll il-mod kif il-pubbliku jitratta u jirrispetta lill-gwardjani lokali billi jsiru iktar kampanji edukattivi. Hu kompla li l-pulizija bnew rispett mingħand il-pubbliku għaliex jużaw stil pożittiv.
Karl Gouder tkellem dwar l-aspett ambjentali u qal li l-pulizija ambjentali huma ta’ deterrent għal min ikun se jikser il-liġi. Hu enfażizza l-importanza tat-tisħiħ tal-kunsilli lokali u appella biex il-kunsilli lokali jsibu l-appoġġ tad-dipartimenti. Jeħtieġ li l-kunsilli lokali jkollhom iktar riżorsi għat-tindif, sostna Karl Gouder, li faħħar ukoll il-ħidma tad-Dipartiment tat-Tindif.
//= $special ?>