Nhar il-Ħamis, it-Tribunal tal-Appelli għall-Ippjanar se jkun qed jiddeċiedi dwar applikazzjoni ta’ żvilupp fil-pulmun tal-lokalitajiet ta’ San Ġwann, Swieqi u San Ġiljan. Għalhekk, ir-residenti ta’ dawn it-tliet lokalitajiet flimkien mal-għaqdiet ambjentali u l-Kunsilli Lokali ingħaqdu biex iwasslu l-fehma tagħhom kontra din l-applikazzjoni.
Dan l-iżvilupp ta’ 133 kamra għal dar tal-anzjani flimkien ma’ żvilupp ieħor hu propost li jinbena f’art ODZ. Dan il-proġett diġa’ kien ġie rrifjutat f’Mejju tal-2016. Iżda appell minn żviluppatur wassal biex issa t-Tribunal se jisma’ l-każ nhar il-Ħamis.
Minbarra li dan l-iżvilupp se jkun fil-qalba tal-wied – is-sit għandu importanza ekoloġika u xjentifika. Filfatt il-kelliema li indirizzaw din il-konferenza tal-aħbarijiet, fosthom Michael Briguglio, qalu li l-Awtorita’ tal-Ippjanar mhux sippost qegħda tevalwa din l-applikazzjoni għall-iżvilupp – għaliex din l-awtorita’ għandha tikkunsidra l-applikazzjoni meta l-alternattivi oħrajn ikunu ġew eżawriti.
Iżda f’dan il-każ, l-alternattivi lanqas biss ġew ikkunsidrati u għalhekk imur kontra l-iSPED. Kelliema għal Din l-Art Ħelwa qalet li dan il-proġett se jservi ta’ preċedent ħażin, fejn ukoll hemm pjanat li tinbena dar tal-anzjani fil-Wied tal-Buskett. Tenniet li d-djar tal-anzjani għandhom ikunu parti mill-komunita’, u mhux maqtugħa għalihom mibnija f’nofs wied.
Is-Sindku tas-Swieqi Noel Muscat stqarr li b’dan il-proġett se jkun qed jitnaqqar l-aħħar ftit ħdura li fadal f’din iż-żona. Semma’ kif ma nistgħux nibqgħu niżviluppaw dawn iż-żoni li jagħtu nifs lill-lokalitajiet tal-madwar. Il-Viċi Sindku ta’ San Ġwann Marvic Bayliss qalet li bħala omm trid tħalli arja nadifa lill-ulieda, u hu għalhekk li qed tipproteġi dan il-Wied. Tenniet li hemm aktar minn 15-il eld persuna f’San Ġwann li jiddependu mill-arja nadifa li jipprovdi dan il-Wied.
NET News tkellem mat-tliet kelliema għall-Kunsilli Lokali Albert Buttigieg, Marvic Bayliss u Noel Muscat, li ngħaqdu flimkien biex isalvaw dan il-pulmun. Ara l-filmat (aktar ‘l fuq) bir-reazzjoni tal-kelliema għall-Kunsilli Lokali.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet, kien hemm preżenti għaqdiet ambjentali; fosthom Flimkien għal Ambjent Aħjar, Din l-Art Ħelwa, u Graffiti – flimkien mal-Membru Parlamentari Nazzjonalista Kristy Debono. Ara r-ritratti meħuda waqt il-konferenza tal-aħbarijiet hawn taħt:
//= $special ?>