Kultura Lokali

‘La Semana Santa’ tal-Imqabba fil-Belt Valletta 2018

Is-Soċjetà Santa Marija u Banda Re Ġorġ V tal-Imqabba, flimkien mas-Sezzjoni Żgħażagħ Santa Marija, se jtellgħu Kunċert Mużikali bit-tema tal-wirja ‘La Semana Santa’, din id-darba mhux biss fir-raħal pittoresk tal-Imqabba imma wkoll fil-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Belt Valletta, fil-Gran Salon tal-Auberge de Provence, bla dubju waħda mill-isbaħ swali fil-Belt Valletta fejn hemm il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija.

Dan il-kunċert, intitolat ‘Concierto La Semana Santa de Espana’ ser jittella’ l-Erbgha 14 ta’ Marzu fis-7.15pm. Fil-kunċert se tindaqq taħlita ta’ siltiet minn mużika klassika u dik Spanjola flimkien ma’ żfin professjonali mill-Alegria Dance Company. Se jkun hemm ukoll akkumpanjament mill-kitarrist Evan Plumpton u l-kantanta Eleanor Cassar u rokna letterarja minn Silvio Bianchi.

Ser ikun hemm transport provdut mill-pjazza tal-Imqabba għal dan il-kunċert li se jdewwaq il-ftuħ tal-wirja La Semana Santa fil-Belt Valletta. Il-ftuħ tal-wirja La Semana Santa u ċ-Ċenaklu Ħaj fl-Imqabba se jsir il-Ħadd ta’ wara, 18 ta’ Marzu fil-11am fis-sede tas-Soċjeta’ Santa Marija u Banda Re Ġorġ V fil-pjazza tal-Imqabba.