“Wasalna f’punt fejn ma nistgħux nibqgħu bl-istess sistema edukattiva – waħda konvenzjonali, jiġifieri waħda fejn tmur għal-lezzjoni, tisma’, tikteb, tistudja u tirrepeti dak kollu fl-eżami. Din hija sistema antikwata”.
Hekk qal l-Uffiċjal tal-Edukazzjoni fi ħdan il-Kunsill Studenti Universitarji Jacob Portelli, f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġew imnedija sett ta’ proposti biex kemm jista’ jkun, iż-żgħażagħ ta’ 16-il sena li se jkunu eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjonijiet, jivvutaw u jagħmlu d-deċiżjoni tagħhom b’maturità.
Portelli kien qed jitkellem dwar il-ħtieġa li s-sistema edukattiva taġġorna ruħha, speċjalment fil-kuntest li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena se jkunu qed jibdew jivvutaw fl-elezzjonijiet.
Ma’ NET News, il-President tal-KSU Robert Napier qal li filwaqt li l-KSU jaqbel mal-inizjattiva tal-Vot 16, din għandha tkun akkumpanjata minn pjan ħolistiku, fejn il-Vot 16 jingħata f’qafas edukattiv bil-għan li ż-żgħażagħ ġodda li se jivvutaw, ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjoni matura.
F’dan il-kuntest, il-KSU nieda wkoll pjattaforma għall-kunsilli tal-istudenti tal-iskejjel kollha tas-sixth form biex fuqha jsiru diskussjonijiet ħolistiċi fuq ċertu suġġetti, bħal pereżempju jekk żgħażagħ ta’ 16-il sena għandhomx jitħallew jikkontestaw l-elezzjonijiet.
Id-dibattitu fil-Parlament dwar il-Vot 16, bi qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra, se jkun qed jgħaddi mill-aħħar qari dalwaqt.
//= $special ?>