Għawdex Knisja

FILMAT: “Mandat speċjali mill-Papa Franġisku”

Il-konsagrazzjoni Episkopali se ssir fil-Vatikan f'jum San Ġużepp

F’laqgħa li saret dalgħodu f’nofsinhar fil-Kurja Veskovili ta’ Għawdex, Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, ikkomunika l-aħbar sabiħa li l l-Papa Franġisku għażel lil wieħed mis-saċerdoti tad-Djoċesi ta’ Għawdex, Mons. Alfred Xuereb, biex ikun Nunzju Appostoliku fir-Repubblika tal-Korea, u fl-istess waqt għollih għad-dinjità ta’ Arċisqof titulari ta’ Amantea, l-Italja.

Fost dawk preżenti għal din il-laqgħa kien hemm Doris Xuereb, omm Mons. Xuereb, kif ukoll oħtu Silvia Caruana u familjari oħra tiegħu.

Mons. Alfred Xuereb se jirċievi l-Konsagrazzjoni episkopali minn idejn il-Papa Franġisku fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-Vatikan, nhar it-Tnejn 19 ta’ Marzu 2018, Solennità ta’ San Ġużepp, fil-5.00pm.

L-Isqof Mario Grech qal li din hija aħbar ta’ ferħ għad-Djoċesi ta’ Għawdex u għal pajjiżna.

Filwaqt li feraħ lil Mons. Xuereb li ġie fdat b’din il-missjoni importanti, huwa stieden lill-Knisja ta’ Għawdex biex trodd ħajr lill-Mulej Ġesù li għal darb’oħra xeħet għajnejh fuq wieħed mill-kleru tagħha biex ikun membru tal-Kulleġġ episkopali b’mandat missjunarju, u biex isir talb għall-Papa Franġisku.

Din in-nomina hija ta’ ġieħ għall-E.T. Mons. Xuereb, imma wkoll konferma tal-imħabba li l-poplu ta’ Alla f’Għawdex għandu lejn il-missjoni.

Fi kliem l-Isqof Mario, dan il-mandat speċjali li l-Papa Franġisku qed jafda lill-Arċisqof maħtur Mons. Xuereb għandu jqanqal fina aktar għożża u apprezzament tal-familji li huma l-benniena ta’ kull vokazzjoni saċerdotali, tal-komunitajiet parrokkjali li jgħinu biex timmatura l-vokazzjoni, u tas-Seminarju djoċesan li jifforma lil dawk li huma msejħa għas-saċerdozju.

Fl-ewwel kumment tiegħu wara din il-ħatra, Mons. Xuereb stqarr: “Il-Papa Franġisku hu attent ħafna biex jibni pontijiet f’dik il-parti partikulari tal-Asja, u jiena nħossni onorat ħafna bl-istima kbira tiegħu”.

Il-motto magħżul mill-Arċisqof il-ġdid bħala parti mill-arma tiegħu hu “Ut unum sint”, it-talba ta’ Kristu għall-għaqda bejn l-Insara: “Biex ikunu lkoll ħaġa waħda”.

Sadatant, l-Arċidjocesi ta’ Malta ferħet lill-Arċisqof-elett, Mons. Alfred Xuereb, għall-ħatra mill-Papa Franġisku ta’ Nunzju Appostoliku fil-Korea ta’ Isfel.

L-Arċidjoċesi ta’ Malta tingħaqad mad-Djoċesi ta’ Għawdex fit-talb għall-Arċisqof-elett biex il-Mulej jagħtih l-għajnuna f’din il-missjoni ġdida tiegħu.