Marc Marquez se jibda mat-tim ta’ Repsol Honda għal żewġ staġuni oħra wara li ffirma kuntratt biex jibqa’ mat-tim fl-2019 u fl-2020.
Marquez li ngħaqad mat-tim fl-2013 meta kien għadu debuttant, rebaħ l-ewwel kampjonat tiegħu f’din is-sena, se jkun tellaq mat-tim għal total ta’ tmien staġuni.
Sa issa, Marquez li jtellaq bil-mutur numru 93 tilef it-titlu darba biss fl-2015. Din is-sena, l-Ispanjol qed jipprova jiddefendi l-kampjonat mirbuħ is-sena l-oħra, bit-tama li jirbaħ il-ħames titlu. Honda wkoll se jkunu qed jippruvaw jiddefendu t-titlu tal-kostrutturi.
“Ninsab eċċitat li nkompli ntellaq ma’ Honda fil-klassi tal-Moto GP. Ninsab kburi li jien parti mill-familja ta’ Honda u napprezza li Honda u t-tim dejjem jippruvaw jagħmlu aħjar biex jipprovduli dak kollu li rrid.”
Marquez irringrazzja lil kulħadd tas-sapport matul is-snin u qal li se jkompli jtellaq bit-tama li jaqsam il-ferħ tiegħu ma’ kulħadd.
Il-President ta’ Honda Yoshishige Nomura wera l-kuntentizza tiegħu li Marquez se jibqa’ jtellaq mat-tim. “Marquez dejjem prova jtellaq sal-limitu tiegħu u mmatura bħala sewwieq u ta lit-tim tagħna diversi titli.”
Nomura kompla jgħid li l-fatt li Marquez ġedded il-kuntratt kien minħabba li l-fiduċja reċiproka li għandhom bħalissa.
//= $special ?>