Internazzjonali

Sintomi ta’ gass ipprojbit f’distrett ta’ Damasku

Residenti ta’ distrett viċin Damasku, il-kapitali sirjana, sofrew sintomi konsistenti mal-effetti tal-gass tal-klorin wara splużjoni enormi fl-inħawi l-Ħadd. Dan kien irrappurtat mid-distrett tal-Lvant ta’ Ghouta li hu kontrollat mir-ribelli li qegħdin jiġġieldu kontra l-President Sirjan, Bashar al-Assad. Ir-rapporti mill-inħawi, irreferew ukoll għall-qtil ta’ tfajjel ‘li miet fgat’.

Il-vittmi, is-sewwieqa tal-ambulanzi u oħrajn’kollha xammew il-klorin wara l-isplużjoni’, skont sorsi f’dik iz-zona. Dan waqt li kellu jintuża apparat tan-nifs waqt it-trattament dovut lill-vittmi li kienu jinkludu diversi tfal.
L-Armata tas-Sirja ma kummentatx dwar l-inċident, meta l-Gvern Sirjan kemm il-darba ċaħad għall-użu ta’ armamenti kimiċi fil-konflitt ċivili li dalwaqt se jidħol fit-tmien sena tiegħu.
Sadanittant, il-Ministeru tad-Difiża Russu, li qed jappoġġja lill-Gvern Sirjan f’din il-gwerra, akkuża lir-ribelli ‘anti-Assad’ dwar tħejjijiet biex jintuża materjal tossiku projbit, fil-Lvant ta’ Ghouta, ‘bil-għan li huma (ir-ribelli) imbagħad jakkużaw lill-awtoritajiet Sirjani dwar attakki bl-armi kimiċi’.
Id-distrett tal-Lvant ta’ Ghouta hu l-aħħar fortizza tar-ribelli fil-limiti ta’ Damasku u ilu l-aħħar jiem suġġett għal offensiva qalila mill-qawwiet tal-President Sirjan.
Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, fi tmiem il-ġimgħa, insista biex il-partijiet involuti fil-konflitt tas-Sirja josservaw waqfien mill-ġlied ta’ 30 jum madwar is-Sirja. Għalkemm il-bumbardamenti tal-inħawi speċifiċi setgħu naqsu xi ftit fl-aħħar sigħat, xorta waħda kienu għadhom deħlin ir-rapporti ta’ ‘aktar ċivili maqtula’.