Lokali Qorti

FILMAT: Chris Bartolo jingħata l-ħelsien temporanju mill-arrest

Ħlief għal ċerti ċirkostanzi partikolari, Christopher Bartolo m'għandux jirtira mir-residenza tiegħu.

It-Tlieta filgħaxija, Christopher Bartolo ingħata ħelsien mill-arrest b’mod temporanju.

Dan wara li l-Kabinett illum iddeċieda li jirrakkomanda lill-President ta’ Malta biex jingħata ħelsien temporanju pendenti d-deċiżjoni tal-Appell tiegħu quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ntqal li dan il-parir ingħata wara li ġew ikkunsidrati ċ-ċirkostanzi speċjali li huma partikolari għall-każ tiegħu u wara li l-Kabinett fittex parir mediku indipendenti.

L-istqarrija ttem tgħid li dan il-ħelsien mill-arrest temporanju hu suġġett għal diversi kondizzjonijiet fosthom li, ħlief għal ċerti ċirkostanzi partikolari, Christopher Bartolo m’għandux jirtira mir-residenza tiegħu.

Intant waqt il-programm NET LIVE kien hemm intervista esklussiva mat-tfajla ta’ Christopher Bartolo u l-Avukat tiegħu ftit tal-ħin biss wara li ħarġet l-istqarrija Ministerjali li fiha tħabbar li Christopher se jingħata ħelsien mill-arrest.