Qorti għolja fil-Ġermanja ddeċidiet li tippermetti lill-ibliet ewlenin biex jipprojbixxu karozzi li jaħdmu bid-diesel u li jikkontribwixxu sew għat-tniġġiż tal-ajru. Dan il-pass x’aktarx li jolqot il-valur ta’ 12 il-miljun vettura fl-akbar suq tal-karozzi fl-Ewropa, filwaqt li jwassal biex il-produtturi jħallsu l-flejjes kbar għall-modifiki lill-vetturi.
Il-verdett mill-ogħla qorti federali fil-Ġermanja ħareġ wara li l-Istati Ġermaniżi kienu appellaw kontra projbizzjonijiet imposti mill-qrati lokali ta’ Stuttgart u Duesseldorf fir-rigward ta’ każijiet li ressaq il-grupp ambjentali DUH dwar il-kwalità tal-arja fqira.
Ir-reazzjoni dinjija għall-karozzi li jaħdmu bid-diesel ilha qawwija mindu l-kumpannija Ġermaniża Volkswagen, fl-2015, ammettiet dwar qerq fit-testijiet għall-emissjonijiet mill-karozzi tagħha fl-Istati Uniti. It-testijiet kienu intiżi biex jillimitaw l-emissjonijiet ta’ elementi bħan-nitrogen oxide li jikkaġuna l-mard respiratorju.
Filwaqt li pajjiżi oħra wkoll qed jikkunsidraw ir-restrizzjonijiet għall-karozzi li jaħdmu bid-diesel, il-projbizzjoni ta’ dawn il-vetturi f’pajjiż meqjus bħala ‘iċ-ċentru tal-vettura moderna’ qed titqies bħala daqqa ta’ ħarta għall-industrija tal-karozzi. Il-verdett hu wkoll diżappuntanti għall-Gvern tal-Kanċillier Ġermaniż, Angela Merkel, li jopponi dawn it-tipi ta’ projbizzjonijiet.
//= $special ?>

