Lokali Parlament

Il-gwardjani lokali għandom jintużaw biex ikun mgħejjun il-pubbliku

– Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara sostniet li l-gwardjani lokali għandhom jintużaw biex ikunu mgħejjun il-pubbliku.

Fil-parlament Maria Deguara spjegat kif kienu jingħataw ċitazzjonijiet żbaljati, li llum naqsu drastikament. Hi semmiet il-kampanja edukattiva fejn il-gwardjani bdew jagħtu avviżi lill-pubbliku qabel jingħataw il-multi.

Id-deputat Nazzjonaista kompliet li l-kunsilli lokali l-aktar li jafu l-ħtiġijiet tal-lokalitajiet u sostniet li kien negattiv li r-responsabbiltajiet tneħħew minn taħt il-kunsilli lokali u marru għand il-LESA. Il-ġbir mill-multi qabel kien mur għand il-kunsilli lokali u għalhekk dan kien element pożittiv fost il-pubbliku.

Id-deputat Nazzjonalista tkellmet dwar il-ħidma tal-gwardjani lokali fin-Naxxar fosthom ħdejn l-iskejjel u pproponiet li l-għaqdiet tal-anzjani jistgħu jassistu biex l-anzjani, it-tfal u l-komunità jaqsmu t-toroq. Hi spjegat kif anki l-pubbliku għandu jkun mgħallem juża l-element kummerċjali f’ċertu ħinijiet biex ma tinħoloqx konġestjoni. Il-karrozzi li ma jintuażwx għandhom jidħlu fil-garaxxijiet biex ikun hemm iktar spazji.

Il-gwardjani lokali għandhom jassiguraw li ma jkunx hemm abbużi fil-postijiet riservati għall-persuni b’diżabbiltà. Ir-relazzjoni bejn il-kunsilli lokali u l-gwardjani hi essenzjali biex il-liġijiet ikunu mħarsa.