Il-captain tal-Portugall Cristiano Ronaldo qal li t-tim tiegħu mhux wieħed mill-favoriti għar-rebħ tat-Tazza tad-Dinja li se ssir ftit xhur oħra fir-Russja.
Fil-fażi tal-gruppi l-Portugall iridu jilagħbu kontra Spanja, l-Marokk u l-Iran.
“Irridu nkunu umli u realistiċi u nammettu li m’aħniex favoriti. Hemm timijiet bħal ma huma Spanja, l-Brażil, il-Ġermanja u anke l-Arġentina li huma aktar b’saħħithom. Madankollu kollox hu possibbli fil-futbol. L-għan tagħna hu li ngħaddu mill-grupp u naraw minn hemm,” qal Ronaldo.
Ta’ min jiftakar li sentejn ilu l-Portugall, kontra kull mistenni, rebħu l-Kampjonat Ewropew meta fil-finali għelbu lil Franza. Il-Portugall qatt ma rebħu t-Tazza tad-Dinja u dwar dan Ronaldo temm jgħid li filwaqt li jixtieq jirbaħ it-Tazza tad-Dinja, hu diġa’ kiseb dak kollu li xtaq matul il-karriera tiegħu.
//= $special ?>