Ir-Renju Unit, fl-aħħar sigħat, spiċċa assedjat mill-borra kontinwa fost l-effetti kaotiċi għall-ħajja ta’ kuljum. Dan waqt li kellhom jingħalqu l-iskejjel, b’mijiet ta’ ferroviji jieqfu mis-servizz fost avviżi konsistenti lis-sewwieqa dwar ‘il-perikli fit-toroq’.
Il-Pulizija qalet lis-sidien tal-mezzi tat-trasport biex, f’każ li joħorġu, joqgħodu ferm attenti għall-kundizzjonijiet xitwija ‘straordinarji’, waqt it-temperaturi ta’ friża.
Il-kundizzjonijiet kienu tant li kien hemm inkwiet li komunitajiet rurali jispiċċaw ‘iżolati’ mill-kumplament tal-pajjiż, bl-aċċess għalihom mill-art isir kważi impossibbli.
Il-counties ta’ Kent, Surrey, Suffolk u Sussex kienu l-agħar li ntlaqtu mill-elementi, meta laħqet niżlet sa għaxar ċentimetri borra f’dawk l-inħawi. Il-borra kienet anki konsistenti fl-ibnadi lejn il-Majjistral tal-Ingilterra.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissijiet fuq livell ta’ ‘amber’ għal dawn iz-zoni milqutin, li jirreferi għas-sogru potenzjali għall-ħajja tan-nies kif ukoll għall-proprjetà.
Sistemi ta’ allert oħrajn (anqas gravi) kienu effettivi tul medda ta’ territorju ħafna akbar u li jkopri partijiet tal-Ingilterra, l-Iskozja u Wales.
Ir-Renju Unit, fil-preżent, għaddejja mill-aktar ġimgħa kiesħa tax-xitwa, meta mistenni aktar inżul ta’ borra fil-Midlands tal-Ingilterra, kif ukoll fl-Iskozja.
It-temperaturi ta’ matul il-lejl qegħdin anki jinżlu sa sitt gradi taħt iz-zero fil-Punent tal-Ingilterra, kif ukoll fir-reġjun ( Ingliż) ta’ East Anglia u l-Irlanda ta’ Fuq– fost il-pronostiku ta’ ‘aktar maltemp u friża’ sal-aħħar tal-ġimgħa.
Dan meta r-reġjuni fil-Grigal tal-Ingilterra qed iħejju għall-hekk-imsejħa ‘snow showers’ ( xita ta’ borra) qawwija, fejn ma kienx eskluż li t-temperaturi fl-inħawi jinżlu sa bejn għaxra u erbatax taħt iz-zero.
//= $special ?>

