Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Theddida ta’ terrorizmu mill-estremisti tal-lemin

 

Ir-Renju Unit, illum, qed jiffaċċja theddida ġdida u sinifikanti mit-terroriżmu organizzat min-naħa ta’ elementi estremisti tal-lemin.

Dan qalu Mark Rowley, l-Assistent Kummissarju ta’ Londra u li hu wkoll l-ogħla uffiċjal inkarigat mill-impenn anti-terroristiku. Intant, hu żvela li l-pulizija, fl-aħħar sena, irnexxielha twaqqaf erba’ kumplotti minn dawn l-estremisti partikulari.

‘It-theddida terroristika tal-lemin (estrem) hi aktar sinifikanti milli forsi jistgħu jaħsbu l-membri tal-pubbliku’, wissa Rowley.

Filwaqt li r-Renju Unit ilu mira għall-militanti Iżlamiċi ( lokali u barranin) mindu l-Istati Uniti sofriet l-attakki terroristiċi storiċi tal-2001, Rowley qal li, sal-aħħar sentejn, l-attivitajiet tal-estremisti tal-lemin (fir-Renju Unit) kienu limitati għal protesti u reati ‘ta’ mibgħeda’; bl-azzjonijiet serji jkunu limitati biss għal xi individwi iżolati.

Iżda l-aġenzija tas-servizzi sigrieti M15, illum, qed tinvestiga lill-elementi tal-lemin lokali u hemm indikazzjonijiet li l-gruppi estremisti Britanniċi qegħdin ifittxu r-rabtiet mal-estremisti internazzjonali.

‘Din hi parti sinifikanti tat-theddida terroristika, meta t-terrur tar-radikali tal-lemin, fil-passat, ma kienx ta xi tip organizzat fir-Renju Unit’, spjega Rowley.

L-Assistent Kummissarju ta’ Londra kompla li hemm ħafna pajjiżi tal-lemin li qed jikkonfrontaw l-isfidi mill-estremisti tal-lemin. Dan meta fir-Renju Unit hemm l-inkwiet li diversi gruppi lokali qegħdin jistabbilixxu l-kuntatti mal-movimenti radikali barranin filwaqt li jiżviluppaw is-sistemi tan-networking.

Rowley enfasizza li fir-Renju Unit, fl-aħħar sena u nofs, żviluppat organizzazzjoni terroristika lokali li tinkludi supremaċisiti bojod u neo-Nażisti, b’dawn qed jippersistu wara l-ambizzjonijiet ta’ kull grupp terroristiku ieħor li jemmen bis-sħiħ fil-vjolenza.

L-Assistent Kummissarju saħaq li ‘dan l-iżvilupp għandu jinkwieta lil kulħadd’, bil-pulizija Britannika, minn Marzu li għadda ‘il hawn, tikkontrolla ‘sa għaxar kumplotti ta’ radikali Iżlamiċi u erba’ kumplotti oħra mill-estremisti tal-lemin fil-pajjiż’.