Lokali Saħħa

L-MUMN tappella għall-appuntar immedjat ta’ persuni fil-karigi ta’ ‘Deputy Charge Nurse’

Il-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) kitbet lill-Kummissjoni għas-Servizzi Pubblici biex tawtorizza mingħajr aktar dewmien biex jibda l-proċess tal-pubblikazzjoni tal-appuntar ta’ persuni fil-grad ta’ ‘Deputy Charge Nurses’.

Din il-korrispondenza saret wara li aktar minn 100 ‘Staff Nurse’ ikkuntattjaw lill-Union dwar it-tħassib serju taghhom li dan il-proċess għadu ma seħħx. Ir-riżultati ta’ diversi intervisti biex jimtlew il-vakanzi f’dan il-grad ilhom li ġew ippublikati xhur sħaħ, bl-ewwel riżultat kien ġie ppubblikat aktar minn tmien xhur ilu.

L-Infermiera involuti qed jilmentaw li d-dewmien għal dan il-proċess qed iwassal għal suspetti serji li l-proċess mhux se jibqa’ wieħed trasparenti u ġust.

Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali Colin Galea, l-MUMN qalet li ma tistax taċċetta aktar dewmien biex jiġu pproċessati dawn l-inkarigi, anke għall-fatt li l-Isptarijiet kollha, iċ-Ċentri tas-Saħħa u l-Istutizzjonijiet tal-Anzjani qed isofru mill-vakanzi ta’ dan il-grad, li qed iħallu impatt negattiv fuq il-kura lill-pazjenti.

L-MUMN appellat biex jipprevali s-sens komun u l-Kummissjoni tawtorizza mingħajr aktar dewmien il-proċess tal-appuntar ta’ persuni fil-grad ta’ ‘Deputy Charge Nurse’.