Lokali Parlament

Ministri u Deputati Laburisti jikkuntattjaw lil Wasteserv regolarment dwar impjiegi – CEO tal-Wasteserv

Ministri u Deputati Laburisti għamlu diversi kuntatti ma’ Wasteserv dwar impjiegi ma’ din l-entita’. Dan qalu l-Kap Eżekuttiv ta’ Wasteserv Tonio Montebello waqt laqgħa mqanqla tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament.

Dik li kellha tkun tkomplija tas-smiegħ dwar l-ingaġġ ta’ mijiet ta’ impjiegi fil-Wasteserv fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali li għaddiet spiċċat mħarbta għal ħin twil. Kien hemm diversi interruzzjonijiet fil-laqgħa tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi mid-Deputati tal-Gvern f’dan il-Kumitat rigward emails li kienu ntbagħtu fi żmien amministrazzjoni Nazzjonalista u li kienu ppubblikati mill-gazzetta MaltaToday jumejn qabel il-laqgħa tal-lum.

Montebello kien qed iwieġeb għal mistoqsija tad-Deputat Jason Azzopardi li talbu għandux korrispondenzi minn Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati Laburisti mill-2013 ‘il hawn “ladarba dawn ma ngħatawx lill-MaltaToday.” Hu qal li din hija “prattika normali meta jitqies li persuni għandhom tliet postijiet fejn imorru meta jkollhom xi problema; jew għand ir-Riżorsi Umani, jew għand il-union, jew għand il-Ministru.”

Il-laqgħa bdiet fuq sieq ħażina mill-ewwel hekk kif iċ-Chairman tal-Kumitat Beppe Fenech Adami kien se jibda bil-mistoqsijiet lill-Kap Eżekuttiv tal-Wasteserv Tonio Montebello, id-Deputat Robert Abela qal li hu sorpriż li d-Deputat Fenech Adami ma kienx se jsemmi l-iżviluppi tal-aħħar jiem. Min-naħa tiegħu, Beppe Fenech Adami wieġeb li fuq talba tal-Gvern, iż-żmien tal-investigazzjoni kien estiż għall-2010 iżda tenna li mhux se jħalli li s-seduta u l-investigazzjoni tal-Kumitat tiġi żvijjata. Kien hawnhekk li diversi Deputati miż-żewġ naħat bdew jitkellmu fuq xulxin b’botta u risposta bejniethom.

Mistoqsi għaliex l-informazzjoni mitluba iktar minn tliet ġimgħat ilu kienet għada ma ngħatatx, Montebollo wieġeb li ċertu informazzjoni ħadet iż-żmien biex tinġabar u b’hekk l-informazzjoni tingħata b’mod komplut.

Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi beda jinvestiga l-operat tal-Wasteserv wara li sar magħruf li għexieren ta’ persuni kienu impjegati mal-kumpanija fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda. U dan minkejja li fl-istess żmien, l-impjant Sant’Antnin kien sofra nirien kbar u dam diversi ġimgħat ma jaħdimx. Qabel l-elezzjoni tal-2013 kienu daħlu 10 persuni mal-Wasteserv filwaqt li kienu mpjegati mal-240 persuna  fil-ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-2017

Il-Kumitat jerġa’ jiltaqa’ nhar it-Tnejn.