Numru ta’ ħaddiema tal-qalba fil-Partit Laburista, u li jaħdmu fil-Laundry Room tar-Residenza San Vinċenz de Paule mhux imorru għax-xogħol jum wara l-ieħor, iżda xorta qed jieħdu l-paga sħiħa għax kollegi tagħhom jiffirmawlhom daqslikieku marru.
Dan kien żvelat illum mill-ġurnal In-Nazzjon, li ra numru ta’ dokumenti li jixhdu dawn l-abbużi, b’firem foloz ta’ persuna tiffirma ripetutament għal mill-anqas persuna oħra. Saħansitra, aktar kmieni dan ix-xahar, persuna msiefra sabet kollega li ffirmalha għax-xogħol daqslikieku kienet Malta u rrapportat għax-xogħol.
In-Nazzjon ikkwota sorsi li qalu li ħassew li għandhom jirrappurtaw dawn l-abbużi għax issa nqabeż kull limitu, bir-riżultat li x-xogħol qed jispiċċa jinqasam fost anqas nies.
Minn aktar stħarriġ li għamel il-ġurnal, jirriżulta li anke persuni fit-tmexxija ta’ San Vinċenz de Paule qed igawdu minn dan l-abbuż, f’ċirkostanzi fejn xi ħadd jiffirmalhom daqslikieku jkunu daħlu għax-xogħol fil-5am jew saħansitra minn lejliet, meta fil-verità ma jirrapportawx għax-xogħol.
Is-sorsi li tkellmu ma’ In-Nazzjon ħeġġew lill-awtoritajiet konċernati biex jieħdu azzjoni immedjata ħalli dawn l-abbużi jinqatgħu minnufih, filwaqt li wrew it-tama li grazzi għas-sistemi tal-‘cameras’ li hemm fil-post, ikunu investigati dawn l-abbużi serji ħalli ssir ġustizzja mal-ħaddiema kollha.
//= $special ?>