Futbol Sport

SERIE A: Napoli jkomplu jirbħu

Napoli jinsabu erba’ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Juventus wara li lbieraħ filgħaxija rebħu 5-0 barra minn darhom kontra Cagliari.

Madankollu ta’ min jiftakar li l-Bianconeri għandhom logħba inqas wara li nhar il-Ħadd il-partita tagħhom kontra Atalanta ġiet posposta minħabba l-borra f’Turin.

Fid-29 minuta Napoli fetħu l-iskor b’gowl ta’ CALLEJON. Fit-42 minuta n-Naplitani rduppjaw b’gowl ta’ MERTENS.

Mas-siegħa logħob HAMSIK sab ix-xibka b’xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa.

Għal Hamsik dan kien id-99 gowl tiegħu fis-Serie A. INSIGNE skurja b’penalty kwarta mit-tmiem u fl-aħħar sekondi l-Portugiż RUI ssiġilla l-konfront bi free kick mill-isbaħ.

B’din it-telfa Cagliari komplew bit-tradizzjoni negattiva tagħhom kontra Napoli. L-aħħar darba li rebħulhom kien f’April tal-2009 meta dakinhar rebħu 2-0.