Internazzjonali

Is-Sirja: Kompla l-ġlied fil-Lvant ta’ Ghouta

 

 

Kompla l-ġlied fid-distrett tal-Lvant ta’ Ghouta, li hu kontrollat mir-ribelli, u minkejja l-‘pawża’ ta’ ħames sigħat ordnata mir-Russja, bħala l-alleata ewlenija tal-Gvern Sirjan.

Ir-rapporti qalu li l-qawwiet tal-President Sirjan, Bashar al-Assad, wettqu diversi attakki mill-ajru u bumbardamenti bl-artillerija fuq l-inħawi ta’ Ghouta, bil-media tal-Gvern takkuża lir-ribelli li jopponu lil Assad b’li attakkaw ‘rotta’ li kellhom jużaw iċ-ċivili biex jaħarbu ‘minn mewta ċerta’ fil-Lvant ta’ Ghouta.

B’riżultat ta’ dan ma kien hemm l-ebda kunsini ta’ għajnuna lejn il-Lvant ta’ Ghouta, min-naħa tan-Nazzjonijiet Uniti. Lanqas ma kien hemm evakwazzjonijiet ta’ nies ( minn Ghouta) għal raġunijiet mediċi.

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jiem ilu, għadda riżoluzzjoni fejn insista biex jieqfu l-ostilitajiet kollha madwar is-Sirja. Intant, il-Kunsill ma speċifikax data għal dan.

Ir-Russja, issa, ħadet l-inizjattiva għall-pawża fil-ġlied biex tippermetti t-tluq ta’ ċivili mil-Lvant ta’ Ghouta fejn mat-390,000 persuna   spiċċaw suġġetti għal bumbardamenti bla heda. L-Istati Uniti kienet ħeġġet, qabel, biex ir-Russja taċċerta minn waqfien fil-ġlied, effettiv għal xahar, f’dak id-distrett.

Iżda l-Uffiċċju tan-NU għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji (OCHA) qal li l-ġlied  qed ikompli bil-konvojs ma jidħlux fil-Lvant ta’ Ghouta, fost l-intoppi għall-evakwazzjonijiet ta’ ċivili. L-aħħar rapporti qalu li l-qawwiet tal-ajru tal-Gvern Sirjan ikkonċentraw mill-ġdid fuq id-distrett waqt li twaddbu l-barrel bombs fuq il-belt ta’ Al-Shifuniya. Inqatlu talanqas 600 ċivili fil-Lvant ta’ Ghouta wara disat ijiem ta’ sparar ta’ artillerija u azzjonijiet mill-qawwiet tal-ajru Sirjani.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Britanniku għall-Affarijiet Barranin, Boris Johnson, qal li għandhom ikunu kkunsidrati ‘attakki mill-ajru fuq il-Gvern Sirjan’ f’każ li joħorġu provi li ntużaw l-armi kimiċi fuq in-nies fil-Lvant ta’ Ghouta. Il-kummenti ngħataw jumejn wara rapporti dwar attakk bil-klorin fuq il-Lvant ta’ Ghouta.