Lokali

Skandlu Panama Papers: Il-Qorti tiddikjara li l-provi li għandu Simon Busuttil jistgħu jinstemgħu

Il-provi li għandu Simon Busuttil fil-każ dwar il-Panama Papers jistgħu jiġu esibiti fil-kawża li għaddejja bħalissa.

Sostna dan l-Imħallef Joseph Zammit McKeon f’digriet tal-Qorti Kostituzzjonali ippreseduta minnu li ċaħdet kważi fit-totalita’ tagħha, it-talba tal-Avukati tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri, il-Ministru Konrad Mizzi u erba’ persuni oħra biex il-provi li għandu Simon Busuttil jiġu sfilzati u ma jiġux ikkunsidrati fil-kawża.

Ġimgħatejn ilu, l-Avukati ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri, Konrad Mizzi, Adrian Hillman, Brian Tonna u Karl Cini ta’ Nexia BT u Malcolm Scerri – sieħeb fin-negozju ma’ Keith Schembri – talbu li ċertu dokumenti għandhom jiġu skartati.

Dawn jinkludu dokumenti li għamlu parti mill-inkjesta dwar Panama Papers, traskrizzjonijiet tal-Imħallef Antonio Mizzi, dokumenti li juru li l-eks Kap tal-PN għandu interess ġuridiku fil-każ u rapporti fil-media dwar kummenti politiċi li għaddiet l-Ewroparlamentari Laburista Marlene Mizzi, mart l-Imħallef Antonio Mizzi, dwar l-iskandlu tal-Panama Papers.

Il-Qorti ċaħdet it-talbiet kollha tal-Avukati ta’ Muscat u l-oħrajn ħlief għar-rapporti tal-media dwar id-diskorsi ta’ Marlene Mizzi. Fid-digriet tiegħu, l-Imħallef Zammit McKeon qal li fil-każ tar-rapporti tad-diskorsi ta’ Marlene Mizzi, min iressaq każ għandu jressaq l-aqwa prova possibbli u rapporti fil-media m’humiex l-aqwa prova. Min-naħa l-oħra, xejn ma jżomm lil Simon Busuttil biex iressaq lill-MEP Laburista bħala xhud fil-kawża.

Il-kawża Kostituzzjonali hi l-aħħar minn sensiela ta’ proċeduri fil-Qrati li jafu l-bidu tagħhom mill-inkjesti Maġisterjali ibbażati fuq il-provi li kien ressaq l-eks Kap tal-PN f’Mejju li għadda.

Il-Maġistrat Ian Farrugia kien iddikjara li hemm biżżejjed provi biex tinfetaħ inkjesta kriminali biex tinvestiga l-persuni msemmija fl-iskandlu ta’ Panama Papers, liema digriet ġie appellat minn Joseph Muscat u l-oħrajn.

Dan l-appell ġie assenjat quddiem l-Imħallef Antonio Mizzi u Simon Busuttil talab ir-rekuża tiegħu minħabba li martu – l-MEP Laburista Marlene Mizzi – għamlet diversi kummenti politiċi dwar il-Panama Papers. Dan skont il-prinċipju li l-ġustizzja mhux biss issir imma tidher li qed issir. L-Imħallef Mizzi irrifjuta li jirrekuża ruħu u dan wassal biex Simon Busuttil jiftaħ il-kawża Kostituzzjonali attwali minħabba ksur tad-dritt ta’ smiegħ xieraq. Il-każ ikompli

L-Avukati Mark Vassallo, Aaron Mifsud Bonniċi u Pawlu Lia qed jidhru għas-seba’ appellanti filwaqt li l-Avukat Jason Azzopardi qed jassisti lil Simon Busuttil