Internazzjonali

Stati Uniti: Jiddefendi ruħu dwar il-massakru fi Florida

Fl-Istati Uniti, il-pulizija armat li kien fl-Iskola ta’  Florida fejn inqatlu 17 il-persuna taħt idejn żgħażugħ armat iddefenda l-azzjonijiet tiegħu f’dak il-jum fatali.

Scott Peterson spjega s-sitwazzjoni ta’ dakinar, xi jiem wara li l-President Amerikan Donald Trump kien ittimbrah ‘kodard’ talli ma intervjeniex biex iwaqqaf lill-aggressur Nikolas Cruz milli joqtol lin-nies. Peterson kien barra l-iskola meta Cruz beda jispara  iżda ma daħalx fil-kumpless fil-ħin meta bdew jinstemgħu t-tiri.

L-avukat tal-pulizija qal li l-klijent tiegħu, dakinar, ‘ħaseb li l-isparar kien ġej minn barra l-iskola’ u spiċċa jadotta ruħu ‘skont iċ-ċirkustanzi li kien imħarreġ għalihom’.

L-avukat kompla li Peterson kien aċċerta li jingħalqu l-aċċessi għall-iskola tal-mewt f’sitwazzjoni ta’ lockdown u sakemm kellhom jaslu r-reinforzi.

Aktar qabel, il-President Trump qal li, kieku kien hemm minflok Peterson, kien jiġri dritt għal ġol-iskola u jiffaċċja l-periklu anki f’każ li hu ma jkollux arma.