Il-Kumitat Ornis ħa d-deċiżjoni li l-istaġun tal-Kaċċa fir-Rebbiegħa ta’ din is-sena jsir bejn il-5 u l-25 ta’ April, jiġifieri jkun qed jaħbat eżatt mal-eqqel tal-passa tal-Gamiema.
F’konferenza tal-aħbarijiet minn BirdLife Malta, qalet li l-Gvern ċeda għall-pressjoni biex jakkomoda lil-lobby tal-kaċċaturi li kien qed jaħdem biex jinfetaħ l-istaġun waqt l-eqqel tal-passa tal-Gamiem. Dan meta, is-sena li għaddiet l-istaġun kien sar bejn il-25 ta’ Marzu u l-14 ta’ April.
Skont l-istess għaqda non-governattiva qalet li l-Gvern warrab għal kollox u injora l-pariri tal-Awtorita’ tal-Ambjent u r-Riżorsi u anke l-istudji xjentifiċi li saru. Issa Birdlife qalet li kollox jinsab f’ħoġor il-Ministru tal-Ambjent li jrid jieħu d-deċiżjoni finali dwar dawn id-dati – iżda jekk id-dati mhux se jiġi rrikunsidrati, huma lesti li jerġgħu jiġbru l-firem u jirrikorru għal referendum ieħor dwar il-kaċċa. Il-kelliema għal BirdLife Malta qalu li l-Gvern se jieħu din id-deċiżjoni b’mod politiku, u qed ikun rigressiv. Tennew li l-Gvern jiġi jaqa’ u jqum mill-interessi tal-poplu.
Fil-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-President ta’ BirdLife Malta Darryl Grima, is-Segretarju Ġenerali Saviour Balzan u l-Kap Eżekuttiv Mark Sultana spjegaw li l-infurzar fl-istaġun li għadda kien ineffiċjenti, hekk kif wassal biex fis-sena 2017 saret l-agħar waħda f’dawn l-aħħar ħames snin f’dak li għandu x’jaqsam mat-tajr protett li nqatel illegalment.
Grafika li turi il-passa tal-gamiem u s-summien mqabbla mal-perjodu tas-sena:
Issa BirdLife Malta se tibgħat rapport estensiv lill-Kummissjoni Ewropea bil-fatti xjentifiċi kollha u se tkun qed tiddokumenta u tissorvelja l-illegalitajiet kollha bil-ħsieb li tressaqhom għall-attenzjoni tal-Kummissjoni u titlob li tittieħed azzjoni mill-ewwel skont kull ċirkostanza partikolari.
Birdlife Malta tenniet li l-Gven irid jifhem li fl-aħħar referendum dwar il-kaċċa, minkejja li r-riżultat kien dak mixtieq minnhom, kien hemm kważi nofs l-elettorat li vvota li ried li l-kaċċa fir-rebbiegħa tieqaf. Fit-tmiem tal-konferenza tal-aħbarijiet, il-kelliema għal BirdLife Malta qalu li min għandu s-senter għandu saħħa aktar mill-istatistika.
Stastistika provduta minn BirdLife Malta:
//= $special ?>