Lokali

Bżonn urġenti ta’ residenza dinjituża għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali – Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali

Jinħass il-bżonn ta’ residenza dinjituża għal persuni li għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Qal dan il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia meta kien qed jindirizza Laqgħa Konġunta bejn il-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Soċjali u l-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet tas-Saħħa li matulha kien qed jiġi diskuss ir-Rapport Annwali tal-2016 tal-Kummissarju għall-Promozzjoni tad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżordni Mentali.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li l-ħtieġa ta’ residenza dinjituża huwa biss wieħed minn tliet punti li għandhom ikunu l-pedament ta’ riforma ħolistika ta’ strateġija fil-qasam tal-kura tas-saħħa mentali. Minbarra dan, hemm il-ħtieġa li l-kura tiċċaqlaq mill-Isptar għall-Komunità. Huwa saħaq ukoll li hemm il-ħtieġa li jinbnew ċentri ta’ rijabilitazzjoni għal sitwazzjonijiet speċifiċi bħad-dimensja.

Huwa elenka dak li jqis bħala aspetti pożittivi tal-kura mentali f’Malta fosthom li ebda persuna ma hi qed tinżamm kontra l-volnta tagħha iktar milli kemm hemm bżonn. Madanakollu huwa semma ukoll fatturi li għalih huma inaċċettabbli fosthom is-sitwazzjoni f’Male Ward 1 f’Monte Karmeli u li t-TV Lounge Room fl-istess residenza sservi bħala Smoking Room.

Id-Deputat Maria Deguara saħqet l-importanza li nkunu l-vuċi ta’ persuni bi problemi tas-saħħa mentali bil-Psikjatra Anton Grech jgħid li kull ilment jintlaqa’ b’serjetà kbira.

Id-Deputat Claudio Grech ffoka l-intervent tiegħu fuq il-problema tad-droga u qla li pajjiżna qed jonqos mid-dinjità ta’ persuni li jabbużaw mid-droga. Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali qal li s-sitwazzjoni f’pajjiżna saret agħar bid-droga sintetika u dan jitlob li jsir tfassil mill-ġdid tal-programmi ta’ aġenziji bħal Sedqa. Il-fatt li f’pajjiżna hawn fisdi ġodda f’dan il-qasam kien ikkonfermat mill-Psikjatra Anton Grech anke minħabba l-fatt li l-programm eżistenti jiffukaw fuq l-użu tal-eroina u mhux ta’ droga sintetika.

Kienet diskussa ukoll il-problema li persuni li jabbużaw mid-droga imorru jfittxu kenn fl-Isptar Monte Karmeli u dan qajjem il-ħtieġa ta’ shelters għal persuni li jabbużaw mid-droga.

Id-Deputat Justyne Caruana enfasizzat il-ħtieġa li s-servizzi fil-komunità jinfirxu ukoll f’Għawdex filwaqt li d-Deputat Deo Debattista tkellem dwar ir-rwol ċentrali tat-tabib tal-familja u li dawn għandhom ikunu appoġġjati minn speċjalisti oħrajn f’dan il-qasam.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Stephen Spiteri tkellem dwar il-ħtieġa ta’ iktar investiment fl-infrastruttura u fis-servizzi f’dan il-qasam. Huwa qal li hemm bżonn ta’ kampanja edukattiva fl-iskejjel li jiffukaw fuq il-mard mentali. Tkellem dwar il-ħtieġa ta’ trattament ħolistiku u t-trattament ta’ każijiet akuti.

Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali tkellem dwar l-importanza li jkun hemm qbil bejn iż-żewġ naħat tal-kamra dwar starteġija ħolistika għas-Saħħa Mentali. Minn naħa tiegħu l-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne tkellem dwar servizzi ġodda li kienu introdotti fosthom biex problemi tas-saħħa mentali jkunu identifikati minn kmieni. Huwa qal li l-Gvern għaddej bi pjan biex jirrinova l-Isptar Monte Karmeli u biex jinbena sptar ġdid għall-mard mentali akut qrib l-Isptar Mater Dei. Huwa qal l-Isptar ġdid ta’ Għawdex se jkun qed jiffoka ukoll fuq servizzi marbuta mas-saħħa mentali. Tkellem ukoll ukoll dwar it-tfassil ta’ Strateġija Nazzjonali għas-Saħħa għas-snin 2020 sa 2030.

Il-kelliema miż-żewġ naħat tal-Kamra preżenti waqt il-laqgħa kellhom kliem ta’ tifħir għall-ħidma tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għall-ħidma kbira li qed iwettaq biex titnaqqas l-istigma li hemm marbuta mal-mard mentali.