Internazzjonali

FILMAT: Il-Ministru tal-Kultura tas-Slovakkia rriżenja wara l-qtil tal-ġurnalist

"Ma nistax inniżżilha li nqatel ġurnalist waqt li kont il-Ministru responsabbli"

B’reazzjoni għall-qtil tal-ġurnalista Slovakk Jan Kuciak, l-Erbgħa ħabbar ir-riżenja tiegħu Marek Madaric, il-Ministru tal-Kultura Slovakk.

Madaric qal li kien qed jirriżenja għaliex iħoss li kien inaċċetabbli li ġurnalist jinqatel meta hu kien parti mill-Gvern. Huwa żied li din kienet deċiżjoni personali tiegħu. Tkellmet ukoll dwar il-każ Lucia Zitnanska, il-Ministru tal-Ġustizzja, li qalet li kien totalment inċċettabbli li xi ħadd b’rabtiet mal-kriminalità organizzata jkun qed jokkupa kariga fil-Gvern. L-Oppożizzjoni b’reazzjoni għall-qtil ta’ Kuciak qed titlob għar-riżenja tal-Kap tal-Pulizija Tibor Gaspar, u wkoll tal-Ministru tal-Intern Robert Kalinak.

Jidher li Kuciak fil-passat kien ilmenta li kien safa’ mhedded minħabba l-kitba tiegħu, imma l-Pulizija ma kienet ħadet ebda azzjoni.

Dan hekk kif jikbru l-indikazzjonijiet li l-qtil tal-ġurnalist Slovakk seħħ għaliex hu kien f’xifer li jippubblika artiklu dwar ir-rabtiet li hemm bejn politiċi ewlenin fil-pajjiż u l-Mafja fl-Italja. Jan Kuciak ta’ 27 sena nstab maqtul minn tiri ta’ arma tan-nar flimkien mal-għarusa tiegħu Martina Kusnirova fir-residenza tagħhom, f’Velka Maca. Skont il-Pulizija, madwar il-katavri nstabu balal li tpoġġew b’tali mod qisu ried jintbagħat messaġġ minn dak li wettaq il-qtil.

Sadattant, Il-kollegi ta’ Kuciak qalu li hu kien qed jaħdem fuq storja li kienet se tikxef ir-rabtiet li hemm bejn xi wħud mill-politiċi ewlenin fis-Slovakkja u l-membri tal-‘Ndrangheta, il-mafja bbażata fir-reġjun tal-Calabria, l-Italja. Huma qalu li hu kien f’xifer li jippubblika artiklu li juri dawn ir-rabtiet kif ukoll kif kienu qed isiru l-frodi għad-danni tal-Unjoni Ewropea u għall-gwadann ta’ xi Taljani li jaġixu fis-Slovakkja b’rabtiet mal-‘Ndrangheta.

Intqal li s-servizzi sigrieti Slovakki kienu konxji ta’ dan li kien qed jaħdem fuqu Kuciak. Il-kollegi ta’ Kuciak qalu li l-kriminalità fis-Slovakkja qatt ma qatlet lill-ġurnalisti. Imma l-gruppi mafjużi Taljani jaġix-xu b’mod differenti. Kuciak kien jaħdem għas-sit elettroniku Aktuality.sk, li hu propjetà tal-grupp tal-midja Ġermaniż / Żvizzeru Axel Springer u Ringier AG.

Issa fil-qtil, il-Pulizija fis-Slovakkja talbet l-għajnuna tal-Pulizija Taljana u r-Repubblika Ċeka kif ukoll l-Europol, l-aġenzija tal-Pulizija Ewropea. Madwar is-Slovakkja, wara l-qtil ta’ Kuciak bdew isiru velji ta’ talb u parti mill-pjazza ewlenija fil-kapitali Bratislava nbidlet f’santwarju ddedikat lil Kuciak u ’l-għarusa tiegħu, bin-nies imorru kontinwament ipoġġu x-xemgħat u l-fjuri. Barra minn hekk, diversi kollegi ta’ Kuciak issa tpoġġew taħt il-protezzjoni tal-Pulizija. Kuciak kien attiv fir-rap-purtaġġ ta’ każi ta’ frodi li jinvolvu negozjanti b’rabtiet mal-Prim Ministru Robert Fico, li ġej mill-Partit Soċjal-Demokratiku. Fico min-naħa tiegħu offra miljun ewro għal informazzjoni li twassal għal dawk responsabbli tal-qtil.

Fico qed ikun il-mi-ra ta’ kritika ħarxa kemm għaliex Kuciak kien qed jikxef korruzzjoni ta’ nies qrib tiegħu kif ukoll għaliex fil-passat ikkritika bl-aħrax lill-ġurnalisti. Skont ir-rapporti fil-midja tal-pajjiż, fost dawk li qed ikunu investigati hemm Maria Toroskova, ajjutant ewlieni tal-Prim Ministru. Imma Fico kien pront widdeb lill-ġurnalisti biex ma jagħmlux akkużi simili jekk m’hemmx evidenza. Fico wkoll ilmenta li l-Oppożizzjoni qed tapprofitta minn dan il-qtil hekk kif diversi politiċi tal-Oppożiz-zjoni ppuntaw subgħajhom lejn il-partit Soċjo-Demok-ratiku fil-Gvern. Barra minn hekk, l-Oppożizzjoni qed torganizza diversi dimostrazzjonijiet ta’ kundanna għall-qtil ta’ Kuciak. Il-qtil kien ikkundannat bil-qawwa mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker, li stqarr li fl-Ewropa u f’ebda demokrazija ma kien hemm post għall-qtil jew għall-intimidazzjoni tal-ġurnalisti. Diversi ġurnalisti fis-Slovak-kja pubblikaw l-artiklu li fuqu kien qed jaħdem Kuciak qabel ma nqatel. Il-kollegi tiegħu qed jgħidu li l-Pulizija ma kellhiex għalfejn tagħmel inve-stigazzjoni twila imma kemm tħares lejn l-ismijiet li jsemmi Kuciak.

L-MEP David Casa

Il-qtil ta’ ġurnalist hu falliment tal-Gvern – David Casa

Sadanittant, f’reazzjoni permezz ta’ stqarrija, l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa qal li hu diżgustanti l-fatt li f’Malta ħadd ma refa’ r-responsabbiltà għall-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia.

David Casa qal: “Il-fatt li Kuciak kien qed jinvestiga l-evażjoni tat-taxxa, korruzzjoni u r-rabta bejn politiċi u negozjanti jfisser li s-sitwazzjoni fis-Slovakkja trid tiġi segwita mill-qrib. Madanakollu, r-riżenja ta’ Ministru Slovak tfisser li qed tiġi rikonoxxuta l-gravità tas-sitwazzjoni, kif ukoll il-fatt li r-responsabbiltà politika għandha tintrefa. L-assisinju ta’ ġurnalist jew ġurnalista taħt dawn iċ-ċirkustanzi, hu falliment tal-Gvern rispettiv.”