Karl Stagno Navarra, il-preżentatur tal-istazzjon Laburista ‘ONE’, kemm nhar it-Tnejn filgħaxija kif ukoll ilbieraħ intilef f’rabja kbira. Stagno Navarra nesa li hu preżentatur u ħataf il-programm, li jippreżenta hu stess, kollu għalieh biex jiddefendi lilu nnifsu mill-fatti li ġew żvelati fil-mument tal-Ħadd.
Dan ġie rrapurtat illum fil-gazzetta In-Nazzjon. L-artiklu jgħid li tant infexx f’attakk isteriku li attakka lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u lin-Nazzjonalisti.
L-isteriżmu ta’ Stagno Navarra kien b’reazzjoni għal rapport pubblikat nhar il-Ħadd fil-gazzetta il-mument li fih kien żvelat li minkejja li Karl Stagno Navarra kellu kull interess li jkun wieħed mill-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, fi ħdan il-Partit, inkluż fost it-Tmexxija tal-Partit Laburista, kien hemm reżistenza qawwija bl-argument ikun li Karl Stagno Navarra ma għandux jitqies bħala persuna affidabbli.
Fl-attakk – anki fuq livell personali fuq il-Kap tal-PN Adrian Delia – Karl Stagno Navarra mkien ma ċaħad li hemm bosta persuni jiġru warajh għal flushom wara li dawn spiċċaw vittma tiegħu li nqeda mill-pożizzjonijiet li okkupa sempliċiment biex talabhom il-flus u mbagħad dawn baqgħu b’xiber imnieħer.
Illum, In-Nazzjon żvelat kif minn nhar il-Ħadd ‘l hawn bosta kienu l-persuni migduma li għamlu kuntatt magħha u tkellmu dwar dak li għaddew minnu meta l-ewwel b’ħafna kliem ħelu ntalbu minn Karl Stagno Navarra biex iselfuh xi flus – f’ċerti każi mijiet ta’ ewro – u mbagħad dawn spiċċaw il-Qorti u għadhom sal-lum jistennew li jitħallsu u li jingħataw dak li hu tagħhom.
Illum Karl Stagno Navarra jimmilita fil-Partit Laburista u l-mira tiegħu – u din ilha mira minn meta sab ruħu fil-midja Laburista – kienet dejjem li jagħmel ħsara lill-Partit Nazzjonalista. Din hi attitudni li għażel li jagħmel biex jipprova jintgħoġob mal-partitarji Laburisti, jgħid l-artiklu li jkompli jsemmi kif sorsi fil-Partit Laburista fissru li huma qatt ma jistgħu jafdaw lil Karl Stagno Navarra li jġorr baggage tassew ikkulurit.
“Jinqdew bih iva. Dak mija fil-mija għaliex lil ċertu nies tista’ tagħmihom b’persuna bħal Karl, iżda l-Laburist ta’ veru żgur li ma jafdahx. Tagħmel sew it-Tmexxija tal-Partit u tal-Istazzjon li jinqdew bih, iżda l-kredenzjali tiegħu nassigurak li huma zero… aktar u aktar fost bosta involuti fl-ogħla ġerarkiji tal-Partit.”
Huma komplew li fil-monologu ta’ Karl Stagno Navarra nhar il-Tnejn filgħaxija twassal messaġġ ta’ rabja kbira u ta’ isteriżmu liema bħalu b’Karl Stagno Navarra jispiċċa jxejjer idejh quddiem il-cameras tat-televiżjoni u bl-aktar mod ċar juri li l-istorja żvelata dwaru laqtitu tassew fil-laħam il-ħaj.
//= $special ?>