Milan se jkunu qed jilagħbu t-tieni finali tal-Coppa Italia fl-aħħar tliet snin wara li fit-tieni semifinali għelbu lil Lazio 5-4 bl-għoti tal-penalties wara l-iskor baqa’ 0-0 anki wara l-ħin barrani. Il-partita kienet missielta biż-żewġ timijiet jissieltu kontra xulxin bl-aħjar mod possibbli, fejn it-tnejn kellhom diversi azzjonijiet li fihom setgħu jiftħu l-iskor, u kienet ħasra li xi ħadd minnhom kellu jiġi eliminat. Minkejja dan, iż-żewġ timijiet ma rnexxielhomx jiskorjaw u bħal ma ġara fl-ewwel leg, l-iskor baqa’ ma nfetaħx bil-logħba tkompli fil-ħin barrani
Ir-ritmu ta’ Lazio u Milan baqa’ tajjeb fit-30 minuta supplimentari, b’Milan ikollhom ċans kbir li jirbħu l-logħba fil-117-il minuta iżda Nikola Kalinic spara għoli mill-viċin, bil-partita tmur għall-għoti tal-penalties.
Ciro Immobile fetaħ l-għoti tal-penalties b’gowl, b’Ricardo Rodriguez ifalli għal Milan. Sergej Milinkovic-Savic falla għal Lazio iżda Riccardo Montolivo falla t-tieni penalty għal Milan. Lucas Leiva falla t-tieni penalty konsekuttiv ta’ Lazio, b’Giacomo Bonaventura jġib id-draw.
Marco Parolo, Fabio Borini, Felipe Anderson u Leonardo Bonnuci kollha skorjaw, biex l-għoti tal-penalties komplew wara li kull tim ta ħames penalties kull wieħed. Senad Lulic skorja għal Lazio u Hakan Calhanoglu għal Milan, biex wara li Luiz Felipe spara għoli, Alessio Romagnoli skorja l-penalty deċiżiv għal Milan.
Il-finali tintlagħab fid-9 ta’ Mejju.
//= $special ?>