Il-Qorti ordnat ukoll li l-missier jagħti lill-omm it-tifel is-somma ta’ €320 fix-xahar sakemm binhom jagħlaq it-18-il sena, u jekk ikompli jistudja jibqa’ jħallas il-manteniment sal-età ta’ 23 sena jew sakemm itemm l-istudji tiegħu
Storja ta’ għafsa tal-qalb minn waħda mill-Awli tal-Qorti fejn missier mhux biss ċaħad lil ibnu sa mit-twelid, iżda kull darba li l-omm kienet teħodulu biex jarah fil-post tax-xogħol, hu kien jassigura li jevita kull kuntatt miegħu.
Quddiem din iċ-ċaħda totali tal-missier fil-konfront ta’ ibnu, il-Qorti ma kellhiex triq għajr dik li tordna lill-missier biex jagħti s-somma ta’ €30,000 lill-omm bħala manteniment tat-tifel sa minn meta twieled sal-lum.
Il-Qorti ordnat ukoll lill-missier biex barra minhekk jagħti lill-omm is-somma ta’ €320 fix-xahar sakemm binhom jagħlaq it-18-il sena, u jekk eventwalment it-tifel ikompli jistudja, dan il-manteniment irid jibqa’ jħallsu sal-età ta’ 23 sena jew sakemm itemm l-istudji tiegħu.
Quddiem il-Qorti, wara li semgħet lill-partijiet, kien deċiż li invista tal-fatt li l-missier baqa’ ma jridx jaf b’ibnu, allura hu kellu jitlef il-kustodja kollha tat-tifel li llum għandu 14-il sena.
Ħareġ fil-Qorti li l-missier ma jridx jaf b’ibnu, iżda l-Qorti xorta waħda għabbiet lill-missier bil-manteniment tiegħu.
Kien mument tassew emozzjonanti fil-Qorti meta l-omm irrakkontat kif xi drabi kienet tieħu lit-tifel tagħha fil-post tax-xogħol fejn kien jaħdem il-missier ħalli jarah, iżda dan malli l-kollegi tiegħu kienu jinfurmawh li hemm it-tifel, kien joħroġ minn bieb ieħor.
Oriġinarjament fil-Qorti sar magħruf kif meta l-omm inqabdet tqila u welldet lit-tifel, hi kienet miżżewġa lil ħaddieħor u kien minħabba l-preżunzjonijiet legali li joħorġu mil-liġi, li oriġinarjament ġie rreġistrat bħala iben żewġha.
Erba’ snin wara ġie rikonoxxut il-missier porprja, li min-naħa tiegħu qatt ma nnega li dak kien ibnu. Iżda minkejja li kien hemm ukoll żmien fejn kien jipprovdi għall-manteniment tiegħu, dan qatt ma ried iżomm kuntatt ma’ ibnu biex isir jafu u lanqas ma kien juri interess li jinforma ruħu dwar l-iżvilupp tiegħu.
Il-Qorti fis-sentenza tagħha fissret li fl-isfond ta’ dan ix-xenarju kollu, u fid-dawl tal-fatt li tul dawn is-snin kollha qatt ma kien preżenti fit-trobbija ta’ ibnu u lanqas m’ esiġa li jingħata aċċess għalih, il-Qorti ma kellha l-ebda diffikultà biex tilqa’ t-talba tal-omm biex il-kura u l-kustodja tat-tifel tkun unikament u esklussivament fdata f’idejha.
//= $special ?>