Knisja Lokali

Ir-Restawr tal-istatwa tar-Redentur tieħu lir-restawraturi lura għas-seklu 19

Restawr tar-Redentur tal-Isla jiġi nawgurat is-Sibt li ġej

Wara tliet snin ta’ ħidma intensiva, li bdew bi studji xjentifiċi mill-Consiglio Nazionale della Ricerca ta’ Firenze u t-Taqsima tar-Restawr fi ħdan Heritage Malta, ir-restawr tal-istatwa devota ta’ Ġesù Redentur se jiġi nawgurat nhar is-Sibt li ġej fil-Kolleġġjata u Bażilika ta’ Marija Bambina fl-Isla.

Ir-restawratriċi Maria Grazia Zenzani, mill-kumpanija Atelier del Restauro, tkellmet magħna fuq l-isfidi li ltaqgħu magħhom waqt il-proċess ta’ restawr: “L-istatwa tar-Redentur hija waħda polimaterica għaliex komposta minn bosta materjali bħas-sufra fil-bażi, l-anima tal-injam, il-wiċċ, l-idejn u s-saqajn tal-kartapesta. Trattamenti differenti huwa meħtieġa għal dawn il-materjali u din kienet sfida kbira għalina l-konservaturi li nifhmu x’trattamenti għandna napplikaw fuq dawn il-materjali.”

X-rays fid-Dwana u eżami ta’ cross–section għamluha possibili għar-restawraturi biex jaraw sa liema livelli setgħu jaslu għat-tunika l-ħamra preżenti, u b’hekk niżlu 8 millimetri sas-saff misjub tas-seklu 19.

“Sfida oħra kienet il-kartapesta tal-wiċċ. Peress li l-wiċċ qisu ikona sabiħa, żammejna il-wiċċ fl-istess stat li kien u sar tindif fuq fuq fuqu. Minħabba t-trab u l-qabra akkumulati maż-żmien fuq l-idejn u s-saqajn, wieħed jista’ jara u japprezza d-differenza kbira bejn l-iswidija ta’ qabel għal kif ġiet mikxufa l-polikromija issa.”

Tarrfitilna ukoll għal-liema perjodu hija attribwita din l-istatwa:

“Sar restawr sinifikanti mill-artist Senglean, Karlu Darmanin. Bħalissa għaddej proċess ta’ riċerka fl-Arkivji tal-Parroċċa u dawk tal-Furjana fost l-oħrajn u s-sejbiet se jiġi ppublikati iktar tard fi ktieb. Għalissa nistgħu ngħidu li s-saffi misjuba fl-istatwa ħaduna lura għal nofs is-seklu 19.

Il-programm tas-Sibt jibda fil-5.30pm bl-għasar kantat, quddiesa u tintemm bi preżentazzjoni tax-xogħol li sar f’dawn l-aħħar 9 xhur ta’ restawr u konservazzjoni. L-istatwa imbagħad tterraq it-toroq tal-Isla l-ewwel darba nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Marzu fil-Pellegrinaġġ Nazzjonali Djoċesan immexxi mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Matul ir-Randan, l-istatwa se tkun esposta għall-qima fil-korsija tal-Bażilika ta’ Marija Bambina mal-kumplament tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira iżda se ssib postha fin-niċċa f’Mejju li ġej peress li l-monitoraġġ tan-niċċa tiegħu fl-Oratorju tal-Kurċifiss se jibqa’ għaddej sa dakinhar. B’hekk, ir-Redentur ikun jista’ jinżamm fl-aqwa livelli ta’ umdità possibli matul is-sena. Kurt Grima mbagħad ħejja sistema mekkanika biex l-istatwa tiddaħħal u tinħareġ minn niċċa mingħajr riskji li ġġarrab ħsarat.

B’rabta mal-proċess kollu ta’ restawr li qed isir fuq din l-istatwa ta’ Ġesù Redentur, fil-ġimgħat li ġejjin ser jiġi ppubblikat il-ktieb b’dokumentazzjoni storika marbuta mal-istatwa fil-kuntest tal-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira fl-Isla.