Internazzjonali

RITRATTI: Tkompli l-morsa tal-kesħa fl-Ewropa

Sjobo, L-IŻVEZJA
Parti kbira mill-Ewropa kompliet tkun maħkuma minn morsa ta’ kesħa kbira li issa bdiet tiċċaqlaq lejn in-Nofsinhar. Dan it-temp f’xi bnadi tal-Ewropa kkawżaw il-mewt ta’ mill-anqas għaxar persuni. Din il-mewġa ta’ temp kiesaħ wasslet ukoll għall-inżul rari tal-borra f’partijiet mill-Italja u Spanja kif ukoll fil-gżejjer ta’ Korsika u Capri. Ħafna skejjel madwar l-Ewropa nżammew magħluqin.Fil-Polonja, ħames persuni tilfu ħajjithom, u erbgħa oħra fi Franza, inkluża anzjana li nstabet iffriżata quddiem il-kanċell tad-dar tal-anzjani fejn kienet tgħix. Kien hemm ukoll tliet imwiet fil-Litwanja u tnejn fir-Rumanija, filwaqt li fl-Italja kien hemm vittma f’Milan. F’Ruma niżlet l-ewwel borra f’dawn l-aħħar sitt snin, filwaqt li Napli rat l-akbar ammont ta’ borra f’aktar minn 20 sena. Fil-Ġermanja, min-naħa l-oħra, kienet irreġistrata tempe-ratura ta’ -30 grad Celsius f’Zugspitze, l-ogħla muntanja fil-pajjiż, filwaqt li fil-maġġoranza tal-bliet l-oħra, it-temperatura kienet -10 gradi Celsius. F’Pariġi, il-kapitali Franċiża, it-temperatura niżlet għal -6 gradi Celsius. Fir-Renju Unit qed jingħad li din hi l-aktar xitwa kiesħa f’dawn l-aħħar ħames snin b’temperaturi f’xi postijiet ta’ 12-il grad Celsius taħt iz-zero.