Lokali

FILMAT: Stedina lill-Gvern biex jitwaqqfu prattiċi ħżiena

"M'għandux ikun hemm intervent sfaċċat mill-Gvern"

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jistieden lill-Gvern biex flimkien jiltaqgħu u jitwaqqfu l-prattiċi ħżiena li qabel elezzjoni jiddaħħlu eluf ta’ persuni jaħdmu mal-Gvern.

Adrian Delia kien qed jirreaġixxi l-għada li waqt laqgħa tal-Kumitat dwar il-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament, it-Tlieta filgħaxija, sar magħruf li ministri u Deputati Laburisti għamlu diversi kuntatti ma’ Wasteserv dwar impjiegi ma’ din l-entita’.

Il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi beda jinvestiga l-operat tal-Wasteserv wara li sar magħruf li għexieren ta’ persuni kienu impjegati mal-kumpanija fil-ġimgħat ta’ qabel l-elezzjoni ġenerali ta’ Ġunju li għadda.

U dan minkejja li fl-istess żmien, l-impjant Sant’Antnin kien sofra nirien kbar u dam diversi ġimgħat ma jaħdimx. Qabel l-elezzjoni tal-2013 kienu daħlu 10 persuni mal-Wasteserv filwaqt li kienu mpjegati mal-240 persuna fil-ġimgħat qabel l-elezzjoni tal-2017.