Numru ta’ studenti tal-Junior College tal-Imsida kienu arrestati wara li nqabdu bid-droga fil-perimetru tal-Iskola li fiha jattendu mal-2,000 student u studenta.
Jirriżulta li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li kien hemm studenti li kienu qed jabbużaw mid-droga fil-kulleġġ u għalhekk wettqu rejd u kienu arrestati 3 studenti. It-tliet studenti qed jiġu nterrogati mill-Pulizija fejn mhux eskluż li jitressqu l-Qorti.
Fi stqarrija l-Universita’, li tmexxi l-Junior College, qalet li l-amministrazzjoni tal-kulleġġ qed tistenna aktar informazzjoni mill-Pulizija, u minn hemm mistennija jittieħdu passi dixxiplinarji kontra l-istudenti.
L-amministrazzjoni tal-Junior College qalet li hi kommessa li toffri ambjent san lill-istudenti li jkomplu bl-istudju tagħhom post-sekondarju f’dan il-kulleġġ u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex l-ebda abbuż fl-imġieba tal-istudenti ma jiġi ttollerat.
Fl-istqarrija l-amministrazzjoni ttemm tgħid li s-sigurtà hija ta’ priorità u l-istudenti kollha li jidħlu fil-binja tal-Junior College iridu juru l-istudent card li tinħareġ mill-awtoritajiet tal-kulleġġ lil kull student reġistrat.
//= $special ?>