Lokali

FILMAT: Tinbidel is-sentenza; L-għalliema li kienet tajret u qatlet anzjan mhux se tmur il-ħabs

Is-sentenza ta’ ħames snin ħabs imdendla fuq ras Dorianne Camilleri, għalliema ta’ 35 sena li kienet tajret u qatlet anzjan, ġiet mibdula dalgħodu fil-Qorti tal-Appell.

Il-każ instema’ mill-Imħallef Edwina Grima, li waqt li kkonfermat il-ħtija fir-rigward tal-qtil involontarju ta’ Alfred Zahra ta’ 64 sena, filwaqt li lliberat lil Camilleri fir-rigward tal-feriti gravi fuq oħtu Carmela Zahra.

Il-Qorti tal-Appell ikkonfermat ukoll li s-sewqan ta’ Camilleri dakinhar tal-inċident f’Mejju 2011 ma kienx wieħed tajjeb.

Madankollu s-sentenza ta’ ħames snin ħabs effettivi kienet mibdula għal waħda ta’ sitt xhur ħabs sospiżi għal sena. Is-sospensjoni tal-liċenzja għal ħames snin kienet mibdula għal sospensjoni ta’ sena, filwaqt li kienet ordnata wkoll tħallas €2,401 fi spejjeż tal-esperti.

Hekk kif tħabbret is-sentenza, kien hemm dmugħ ta’ ferħ minn Camilleri u l-qraba tagħha, iżda wkoll mill-qraba tal-vittmi li marru u taw tgħannieqa lill-għalliema.

L-avukati Arthur Azzopardi, Stephen Tonna Lowell u Prof Ian Refalo dehru għal Camilleri.